Sunday, March 2, 2025

TLETT SNIN TA’ GWERRA … TLETT SNIN TA’ FALLIMENT

Aqra wkoll

Proprju fl-aħħar jiem kellna l-anniversarju tat-tielet sena mindu bdiet l-invażjoni Russa fl-Ukrajna. Kwistjoni li kienet ilha tinħema bil-mod il-mod li imma imbagħad spiċċat bl-invażjoni Russa u gwerra li sa issa ilha għaddejja tlett snin.

Kienet gwerra li bidlet ix-xenarju fl-Unjoni Ewropea Dan għax l-Unjoni Ewropea għall-ewwel darba rajniha titbiegħed mill-prinċipji tagħha, dawk tas-solidarjetà, li taħdem għall-paċi u mhux għall-gwerrer.

Għall-ewwel darba rajna Unjoni Ewropea tieħu pożizzjoni favur naħa u kontra oħra. Rajna l-Unjoni Ewropea litteralment tilgħab f’idejn l-Istati Uniti u dan billi hi tgħin finanzjarjament u l-pajjiżi tagħha jgħinu b’armamenti. Dan biex l-Ukrajna tkun tista’ tirreżisti lit-truppi Russi.  Kunflitt li fiha wara flit ġimgħat rajna lir-Russja  tieħu kontroll tal-lvant tal-Ukrajna. 

Gwerra li dwar l-imwiet ta’ suldati, jeżistu figuri li ma jaqlux u jżarmaw. Li hu żgur li jikkwotaw eluf ta’ suldati mejtin, kemm fuq naħa u kemm fuq oħra. Kunflitt li l-Kummissarju għan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet Umani jgħid li minn mindu beda sa Jannar li għadda mietu xejn iqcas minn 12,600 persuna ċivili. Kważi 30,000 oħra sfaw feruti. Ma’ dawn madwar 6 miljun persuna  kellhom jaħarqu biex isibu kenn fl-Ewropa.

U waqt li mhux xi sigriet li l-Istati Uniti kellha idejha wara dan il-kunflitt u wara l-pożizzjoni iebsa li ħadet l-Ukrajna fejn in-NATO, jirriżulta bl-aktar mod ċar li din l-Unjoni Ewropea li proprju twaqqfet biex jiġu evitati l-gwerer fil-kontinent Ewropej, spiċċat tat biljuni f’għajnuna militari, saħansitra aktar minn kemm tat l-Istati Uniti.

Filfatt l-Ewropa kollha kemm hi qabżet b’mod ċar lill-Istati Uniti f’termini ta’ għajnuna lill-Ukrajna. B’kollox, l-Ewropa allokat €70 biljun f’għajnuna finanzjarja u umanitarja kif ukoll €62 biljun f’għajnuna militari. Dan meta l-Istati Uniti tat €64 biljun f’għajnuna militari kif ukoll €50 biljun f’allokazzjonijiet finanzjarji u umanitarji.

U x’kien ir-riżultat ta’ dan?  X’kien ir-riżultat ta’ din l-għajnuna militari kollha? Ir-riżultat hu wieħed ċar li ma jista’ jiċħdu ħadd. Armamenti li ngħataw biex il-kunflitt jitwal b’reżistenza mill-Ukreni. Il-kunflitt seta ‘jittawwal biss b’għajnuna militari minn barra. Ir-riżultat hu żoni sħaħ fl-Ukrajna meqrudin kważi għal kollox.

Imwiet ta’ nies innoċenti. Kunflitt staġnat, fejn l-ebda naħa ma’ tista’ tavvanza. Kunflitt staġnat imma minkejja dan l-armi jibqgħu jaslu b’mod regolari. U jibqgħu l-attakki fut naħa u fuq oħra. Il-vittmi jiżdiedu kuljum.

U din il-gwerra bidlet u l-mod kif twalet bidlet ukoll il-mod kif jaslu l-armi fl-Ukrajna. U dan jurik eżattament min huma dawk li għandhom interessanti li kunflitt simili jitwal. Illum sfortunatament b’deċiżjonijiet meħudin mill-Unjoni Ewropea li tgħin militarment, l-armi qed jaslu fl-Ukrajna direttament mill-fabbriki tal-armi. 

Fl-ewwel xhur tal-gwerra, madwar 90 fil-mija tal-għajnuna militari ġiet mobilizzata minn armamenti nazzjonali. Fl-aħħar sentejn madankollu, il-biċċa l-kbira tal-għajnuna militari, aktar minn 60 fil-mija, kienet ordnata mill-industrija u kienu armamenti ġodda.

Din il-bidla hija partikolarment evidenti fil-Ġermanja, fejn kważi tliet kwarti tat-tagħmir militari għall-Ukrajna ġie ordnat direttament mill-industrija. L-Istati Uniti ordnat 48 fil-mija tal-għajnuna militari tagħha mill-industrija li timmanifattura l-armamenti.

Imma għal Unjoni Ewropea tant kien importanti li din il-gwerra titkompla u li tibqa’ ir-reżistenza Ukrena, li anke raw kif għamlu u tejbu bil-mod il-koordinazzjoni tagħhom u introduċew mekkaniżmi ġodda għall-akkwist konġunt ta’ armamenti għall-Ukrajna.

L-akbar inizjattiva kien il-Fond Internazzjonali għall-Ukrajna (IFU), mekkaniżmu ta’ finanzjament immexxi mir-Renju Unit li jiġbor flimkien kontribuzzjonijiet minn diversi pajjiżi biex jinxtara tagħmir militari għall-Ukrajna.

M’hemm ebda dubju li l-gwerra fl-Ukrajna saret gwerra marbuta mal-akkwisti mingħand dawk li jipproduċu l-armi.

Tlett snin ta’ fallimenti għax mhux biss intilfu ħajjiet ta’ nies innoċenti, mhux biss ma intlaħaq ebda għan, ma intlaħqitx il-paċi, iżda finalment saru sanzjonijiet li l-għan tagħhom kien li jġibu lir-Russja għarkobbtejha imma dawn aktar laqtu u kellhom effett negattiv fuq iċ-ċittadini Ewropej.

Effett negattiv tant li l-istess ċittadini kellhom jiffaċċjaw inflazzjoni qawwija u f’għadd ta’ pajjiżi miżuri ta’ awsterità b’mod partikolari kontijiet għoljin għall-enerġija. 

U waqt li għandna ċ-ċittadini Ewropej jitilfu l-fiduċja fl-Unjoni Ewropea u fil-politiċi Ewropej, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursola Von der Leyen qed tkompli tippompa l-biljuni fl-Ukrajna, każ ċar tal-fallimnt tal-politika barranija tal-Unjoni Ewropea. 

Lil hinn minn dan, l-Unjoni Ewropea għandha biss tagħmel pass wieħed dak li tfittex soluzzjoni diplomatika biex il-kunflitt jintemm.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport