Wara postponiment minħabba in-nuqqas ta’riħ fl-aħħar ġurnata ta’ tlielaq tal-Kampjonati Ewropej tal-ORC, l-kumitat tat-tlielaq rnexxilu jospita l-aħħar tellieqa għal dawn il-kampjonati ospitati mir-Royal Malta Yacht Club u Yachting Malta.
Iċ-champions Ewropej il-ġodda tat-tlett Klassijiet ORC baħħru tajjeb il-ġimgħa kollha, iżda r-rebħiet tagħhom ma kinux garantiti meta telqu għat-tellieqa filgħodu.
It-TP 52 BEAU GESTE ta’ Karl Kwok (HKG) li darbtejn rebaħ il-Kampjonat tad- Dinja ORC – fl-2018 f’The Hague u s-sena l-oħra f’Porto Cervo, dehru li r-rebħa kienet assigurata iżda b’prestazzjoni li rathom jispiċċaw fis-seba post fit-tellieqa Kostali tal-ġurnata ta’ qabel fissert li distakk tagħhom ma’ l-eqreb rivali tagħhom –BLUE SKY ta’ Claudio Terrieri (ITA) kien naqas għal żewġ punti. Madanakollu BEAU GESTE rebaħ l-aħħar tellieqa b’vantaġġ ta’ 48 sekondi fuq BLUE SKY, biex b’hekk rebħu il-Klassi A. It-tim BLUE SKY kellu jikkuntenta bil-Midalji tal-Fidda minflok tad-Deheb.
Ir-rebbieħa tal-midalja tal-Bronż tal-Klassi A kien it-tim Malti ELUSIVE II, tal-aħwa Maya u Christoph Podesta li spiċċaw biss 5 punti bogħod mir-rebbieħa tal-klassi. Għal din il-kisba t-tim rebaħ il-Yachting Malta Trophy mogħti lit-tim lokali li kiseb l-aħjar pjazzament f’dawn il-kampjonati. Fil-Klassi B kien il-jott Unica ta’ Jamie Sammut li kiseb dan l-unur.
Fil-Klassi B wieħed seta jara l-aktar tlielaq kompetittivi li dehru f’dawn l-aħħar żminijiet. Kien hemm diversi timijiet kompetitivi u tlielaq ġew mirbuħa u mitlufa f’sekondi fejn it-timijiet wrew il-kapaċita li jibaħħru f’livel eċċezzjonali. F’din it-kategorija ir-rebbieħ kien Be Wild ta’ Renzo Grottesi. Fit-tieni post kien il-jott mill-Estonja ta’ Aivar Tuulberg, Katariina II u fit-tielet post il-jott Pollakk Windwhisper 44 ta’ Marcin Sutkowski.
Fil-Klassi C, ir-rebbieħ tal-kampjonat kien il-jott ta’ Ott Kikkas Sugar 3, rebbieħ ta’ diversi kampjonati tad-dinja ORC, iżda din kienet it-tieni rebħa ewropeja ORC. Fit-tieni post kien il-jott Taljan Scugnizza ta’ Vincezo de Blasio u fit-tielet post il-jott Ċek, Hebe V ta’ Jakoubek Zdenek.
Il-Kampjonat Ewropew ORC 2023 kien appoġġjat minn Yachting Malta, Visit Malta, il-Kunsill Lokali Ta’ Xbiex, il-Kunsill Reġjonali tal-Lvant bħala parti mill-attivitajiet tiegħu għar-Reġjun Ewropew tal-Isport 2023 u Heineken.