Wednesday, September 3, 2025

Tliet Ħbieb, Sfida Waħda

Aqra wkoll

Nhar is-27 ta’-Settembru, tliet ħbieb – Daniel Abela, Douglas Barbaro Sant, u Joseph Casha – se jidħlu f’vjaġġ straordinarju ta’ reżistenza, ħbiberija u skop.

Il-GasanMamo Point 2 Point Challenge se jarahom jiġru, jgħumu u jsuqu r-rota mat-tul Malta u Għawdex f’avveniment ta’ jum wieħed diffiċli, l-iskop warajħ biex jinġabru fondi għall-Hospice Malta u The Children in Need Foundation.

Storja ta’ Ħbiberija u Skop

Dawn it-tlett individwi jaqsmu aktar minn memorji, iżda jaqsmu twemmin profond li wieħed jagħti lura lejn il-komunità tagħhom. Ispirati mix-xogħol bla waqfien u bla interess personali taż-żewġ organizzazzjonijiet benefiċjari, huma ddeċidew li jdawru l-passjoni tagħhom lejn l-isport f’forza għall-ġid.

“Din mhix tellieqa, lanqas ma tiffoka madwar l-isfida fiha nfisha,” qal il-ko-fundatur Daniel Abela. “Aħna qedin nużaw is-saħħa u l-ħbiberija tagħna biex inwasslu tama, dinjità u opportunitajiet lil dawk li huma fil-bżonn. Sfidi estremi ta’ reżistenza għandhom mod kif jaqbdu l-immaġinazzjoni pubblika — id-domanda fiżika, ir-reżiljenza mentali meħtieġa, u l-istejjer ta’kuraġġ li jmexxuhom, jispiraw, jgħaqqdu komunitajiet, u jfakkruna fis-saħħa li tmur lil hinn mil-limiti għal kawża ikbar minna nfusna.”

L-Isfida

Il-GasanMamo Point 2 Point mhuwiex sempliċi mod biex jinġabru fondi — huwa wirja  vera ta’ reżistenza u perseveranza.

Il-GasanMamo Point 2 Point Challenge hija rotta ta’ 81km li tibda mill-ponta ta’ San Dimitri f’Għawdex sa’ Birżebbuġa.  L-ewwel jibdew b’ġirja ta’ 15km f’Għawdex, segwita minn għawma ta’ 6km minn Hondoq ir-Rummien għal Malta, u jispiċċaw b’rotta ta’ 60km fuq ir-rota mill-Marfa sa Birżebbuġa. Bħala ġest simboliku, it-tlieta li huma flimkien mat-tim tagħhom umbad jkomplu lejn l-kwartieri tal-Hospice Malta f’Santa Venera.

Mill-bidu nett, il-Point 2 Point Challenge kellha l-appoġġ ta’ GasanMamo Insurance. Id-Direttur Maniġerjali Julian J. Mamo qal li huwa privileġġ għal GasanMamo li jappoġġja l-avveniment, u nnota li, “Din il-ħidma fiżika tirrifletti s-saħħa, id-determinazzjoni u r-reżiljenza li juru l-pazjenti, it-tfal u l-familji appoġġjati miż-żewġ organizzazzjonijiet, kuljum.”

Żewġ Kawżi, Għan Wieħed

Il-fondi miġbura mill-GasanMamo Point 2 Point Challenge se jinqasmu b’mod ugwali bejn Hospice Malta u The Children in Need Foundation – żewġ organizzazzjonijiet impenjati li jipprovdu kura u appoġġ speċjalizzat ġewwa l-komunità.

Hospice Malta jipprovdi kura palljattiva olistika u b’xejn lil aktar minn 1,560 familja kull sena, billi jappoġġja pazjenti b’mard terminali bħal kanċer, ALS, multiple sclerosis, u mard tal-organi fl-aħħar stadji. Is-servizzi offruti minn Hospice Malta jinkludu kura fid-dar, ġestjoni tas-sintomi, self ta’ tagħmir, kif ukoll appoġġ emozzjonali u spiritwali — kollox possibbli grazzi għall-ġenerożità tad-donaturi.

“F’Hospice Malta, il-missjoni tagħna hi li niżguraw li kull persuna tqatta’ l-aħħar mumenti tagħha b’dinjità, kompassjoni u fil-kumdità. Qed inkomplu ninvestu f’kura li tonora mhux biss il-ħajja, imma wkoll il-paċi u r-rispett li kull individwu jistħoqqlu, bis-servizzi kollha tagħna offruti b’xejn. Aħna tassew grati lejn individwi bħal Daniel, Douglas u Joe, li mhux biss jiġbru fondi iżda jqajmu wkoll il-kuxjenza pubblika, sabiex kull pazjent jgħix dawn il-mumenti bid-dinjità li jistħoqqlu,” qalet Alexia Demicoli, Chief Relationship Officer f’Hospice Malta.

The Children in Need Foundation hija ddedikata biex ittejjeb il-ħajja ta’ tfal vulnerabbli u żvantaġġati f’Malta, b’attenzjoni partikolari fuq is-saħħa mentali ta’ dawk f’djar ta’ kura. S’issa, il-Fondazzjoni ġabret aktar minn miljun ewro, billi ffinanzjat inizjattivi bħal terapija, edukazzjoni, btajjel għal tfal morda, ċentri ta’ tagħlim dwar l-awtiżmu, u spazji sikuri għal żgħażagħ bla dar — fosthom il-proġett riċenti K.I.D.S. Haven fi ħdan YMCA.

Il-Mira

Bil-għan li jinġabru €163,828, l-GasanMamo Point 2 Point Challenge qed jappella kemm għal appoġġ minn kumpaniji kif ukoll dak komunitarju. Il-kontribuzzjonijiet minn kumpaniji jibdew minn €1,500, iżda t-tim qed jappella wkoll lill-pubbliku usa’ biex jagħti donazzjoni.

Douglas Barbaro Sant irrimarka: “Meta naslu fil-linja finali, is-sentiment mhux ha jkun fuq il-ħin li ħadna biex spiċċajna l-isfida, izda iktar madwar il-fatt li bl-isforzi tagħna nkunu qedin ngħinu lil xi ħadd biex jiffaċċja l-ġejjieni bit-tama.”  L-istess sentiment stqarru Joseph Casha, li żied: “Din l-isfida hi diffiċli, imma mhi xejn meta mqabbla ma’ dak li jgħaddu minnu dawn it-tfal u l-pazjenti. Aħna onorati li nagħmlu dan għalihom.” Kliemhom jiġbor l-ispirtu veru ta’ din l-isfida — waħda mmexxija mhux mill-kompetizzjoni, imma mill-kompassjoni u x-xewqa li jsir differenza sinifikanti fil-ħajjiet ta’ dawn it-tfal u pazjenti.

Wara l-kwinti, tim dedikat qed jaħdem biex jiżgura li kollox imur tajjeb dak inhar. L-organizzaturi rringrazzjaw lil Transport Malta u lil Steve Darmanin għall-appoġġ imprezzabbli tiegħu fil-provvista ta’ assessjar tar-riskju tal-avveniment, li jiżgura li s-sigurtà tibqa’ prijorità f’din l-isfida.

Kif Tista Tinvolvi Ruħek

Il-GasanMamo Point 2 Point Challenge jistieden kumpaniji u individwi biex ikunu parti minn dan il-vjaġġ ta’ kompassjoni. Il-fondi kollha miġbura se jinqasmu b’mod ugwali bejn Hospice Malta u The Children in Need Foundation.

Biex tikkontribwixxi:

Account Name: The Children in Need Found

Branch Sort Code: 44093

IBAN: MT93MMEB44093000000009110404002

Donazzjonijiet jistgħu jsiru onlajn – https://www.childreninneed.org.mt/donate-now

Aktar informazzjoni jinsab fuq dan is-sit – https://point2point.life/

Wieħed jista jikkuntattja:

Daniel Abela – [email protected]

Douglas Barbaro Sant – [email protected]

Joseph Casha – [email protected]

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport