Friday, November 15, 2024

Tliet impenji internazzjonali għal referees lokali

Aqra wkoll

Il-Malta FA ħabbret tliet impenji internazzjonali oħra għal referess lokali, li kollha se jseħħu fil-jiem li ġejjin matul din it-tieqa internazzjonali ta’ Novembru.

Ir-referee tal-FIFA Ishmael Barbara ngħata l-kompitu li jingħaqad mat-tim ta’ uffiċjali tal-logħba għall-Kampjonat UEFA U19 – Rawnd ta’ Kwalifikazzjoni, Grupp 3 li se jiġi kkontestat fl-ibliet Żvediżi ta’ Linkoping u Norrkoping.

Għal dan it-tournament ta’ Kwalifikazzjoni tal-U19, Ishmael se jkun assistit minn Duncan Spencer fir-rwol tiegħu ta’ Assistent Referee.

Sadanittant, kompitu identiku se jkun dak għar-Referee tal-FIFA Philip Farrugia li se jivvjaġġa lejn il-Kroazja għall-Kampjonat UEFA U19 – Rawnd ta’ Kwalifikazzjoni, Grupp 11.

Din se tkun kompetizzjoni organizzata bejn l-Erbgħa ta’ din il-ġimgħa u t-22 ta’ Novembru f’diversi bliet Kroati inklużi Karlovac, Sesvete, u l-belt kapitali Żagreb.

L-Assistent Referee James Muscat ingħaqad ma’ Philip fil-pajjiż tal-Balkani għal dan l-impenn prestiġjuż.

Fuq nota differenti, partita internazzjonali ta’ profil għoli qed tistenna lir-referee ieħor lokali tal-FIFA Trustin Farrugia Cann li nhar l-Erbgħa se jiġi assenjat biex jmexxi l-partita ta’ ħbiberija internazzjonali bejn Ċipru u l-Bulgarija.

Il-partita hija skedata li tintlagħab fl-AEK Arena f’Ċipru se tara lil Trustin flimkien ma’ Luke Portelli u Edward Spiteri, it-tlieta li jirrappreżentaw lill-Malta FA f’dan l-impenn internazzjonali prominenti li jmiss.

Il-Malta FA awgurat l-aqwa xorti lill-uffiċjali lokali kollha tal-partita fid-dmirijiet internazzjonali tagħhom skedati għall-jiem li ġejjin.

Ekonomija

Sport