Tliet Indjani residenti l-Imsida nżammu arrestati wara li ġew mixlija li ħebbew għal raġel ieħor u weġġgħuh gravi.
L-imputati huma Ansar Kothezhath Nikarth Kunjali ta’ 40 sena, Sony Raphel ta’ 32 sean u Sistus Puthenthara Sebastian ta’ 44 sena, u t-tlieta li huma jaħdmu fil-qasam tal-kostruzzjoni.
Huma wieġbu mhux ħatja li fil-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd fl-Imsida, ikkaġunaw ġrieħi ta’ natura gravi fuq Jomon Savier. Id-Difiża mbagħad talbet għall-ħelsien mill-arrest tagħhom.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għal din it-talba minħabba biża’ ta’ intralċ ta’ provi hekk kif l-imputati u l-allegat vittma jidher li jafu lil xulxin. Apparti hekk, wieħed mill-imputati, Ansar, jgħix fl-istess residenza ma’ Savier.
Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Astrid May Grima, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba l-biża’ li l-akkużati jistgħu jaħarbu mill-pajjiż u l-fatt li l-allegat vittma għad irid jixhed f’dawn il-proċeduri.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Sherona Buhagiar.