Sunday, December 29, 2024

Tliet nisa Kolumbjani b’sentenza sospiża wara li ammettew li użaw dahrom bħala burdell

Aqra wkoll

Stephania Hincapie Rodriguez ta’ 27 sena, Maira Michel Tinoco Alzate ta’ 26 sena u Deniss Nicolle Tinoco Alzate ta’ 22 sena ammettew li użaw darhom bħala burdell. It-tliet nisa Kolumbjani jgħixu fl-istess residenza f’San Pawl il-Baħar.

Il-Prosekuzzjoni qalet li xi ġirien mill-istess blokka għamlu rapport fejn qalu li bdew jaraw diversi rġiel deħlin fl-appartament li jgħixu fih it-tfajliet. Il-pulizija għamlu l-investigazzjonijiet meħtieġa u nstab li r-rapport kien minnu. Il-pulizija talbu mandat sabiex jidħlu fl-appartament tat-tfajliet u hemm sabu oġġetti li huma relatati ma’ xogħol ta’ prostituzzjoni.

Il-Prosekuzzjoni qalet ukoll li t-tfajliet ġew jgħixu hawn Malta biex jaħdmu iżda mbagħad spiċċaw jagħmlu xogħol fil-prostituzzjoni. Intqal ukoll li huma kkoperaw mal-pulizija u li lesti jitilqu minn Malta immedjatament.

Huma nstabu ħatja fuq ammissjoni mill-Qorti li kienet ippreseduta mill-Maġistrat tal-Għassa Noel Bartolo, fejn ikkundannahom 18-il xahar ħabs kull wieħed sospiżi għal erba’ snin. Apparti dan, il-Qorti ordnat li jiġu kkonfiskati l-oġġetti li kienu esebiti. Għat-tfajliet dehret l-Avukat Leontine Calleja.

Ekonomija

Sport