Tliet persuni ttieħdu l-Isptar Mater Dei wara li l-Erbgħa li għadda weġġgħu f’żewġ inċidenti separati tat-traffiku.
L-ewwel inċident seħħ għall-ħabta tal-11.30 a.m. fi Triq is-Salina, in-Naxxar. Mill-investigazzjonijiet preliminari rriżulta li seħħet ħabta bejn mutur Nooma Bravo GLE misjuq minn Bulgaru ta’ 48 sena residenti San Pawl il-Baħar u Hyundai I10 misjuqa minn Spanjol ta’ 60 sena.
It-tieni inċident seħħ għall-ħabta tan-12.30 p.m., fi Triq Bormla, Ħaż-Żabbar. Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li seħħ impatt bejn Fiat Scudo misjuqa minn raġel ta’ 23 sena residenti Ħal Kirkop u mutur Honda NSS misjuq minn raġel ta’ 45 sena residenti Ħaż-Żabbar. Fuq il-mutur kien hemm ukoll tifel ta’ tmien snin.
Tim mediku ta l-assistenza fiż-żewġ inċidenti u s-sewwieqa tal-muturi kif ukoll it-tifel ta’ tmien snin, ittieħdu l-isptar b’ambulanza għall-kura medika. Aktar tard, huma kienu ċċertifikati li sofrew ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.