Tliet persuni Għawdxin ġew arrestati fi ski resort fl-Alpi li jinsab f’Savoie fin-Nofsinhar ta’ Franza wara li l-Pulizija sabulhom aktar minn 6,300 flixkun ta’ ossidu nitruż, magħruf aħjar bħala laughing gas.
Kienet il-midja Franċiża li qiegħda tirraporta li l-pulizija rnexxielhom ikissru ċirku ta’ droga hekk kif ġew arrestati l-persuni ta’ nazzjonalità Maltija.
Il-valur tad-droga misjuba tlaħħaq il-€340,000 Huma tressqu quddiem il-Qorti ta’ Albertville fejn wieġbu mhux ħatja. Jirriżulta li waqt l-ewwel dehra tagħhom fil-Qortri huma talbu biex il-każ jiġi deferit biex b’hekk ikunu jistgħu jsaħħu d-difiża tagħhom.
Il-każ mistenni li jitkompla fit-23 ta’ Frar li ġej.
Il-gass li nstab jintuża bħala loppju fl-isptarijiet u skont il-midja Franċiża dawn instabu fi 13-il kaxxa moħbija f’kontejner li allegatament kien qed jinkera fil-villaġġ ta’ Bourg-Saint Maurice.
Jirriżulta li t-tliet Għawdxin kienu ilhom jiġu osservati mill-Pulizija Franiċiża għal jumejn sħaħ qabel ma saru l-arresti.
Ta’ min jirrimarka li f’ċertu lokalitajiet fi Franza dan it-tip ta’ gass hu illegali għalkemm f’Malta mhux.

