Friday, January 23, 2026

Tliet persuni jinqatlu fi sparatura f’New South Wales

Aqra wkoll

Tliet persuni mietu waqt sparatura rrappurtata f’belt żgħira fi New South Wales, l-Awstralja. Persuna oħra ndarbet u ttieħdet l-isptar f’kundizzjoni serja iżda tinsab f’qagħda stabbli. Il-mejtin huma żewġ nisa u raġel.

Il-pulizija tal-lokal qed tinvestiga dan l-inċident tal-isparatura li seħħet f’Lake Cargelligo għall-ħabta tal-4.30 p.m. (ħin lokali). Fl-istess waqt qed tħeġġeġ lill-pubbliku biex jevita ż-żona u li r-residenti lokali għandhom jibqgħu ġewwa. Rapporti jgħidu li r-raġel armat allegatament awtur tal-inċident għadu maħrub.

Skont stqarrija tal-puilizija, is-servizzi ta’ emerġenza ġew imsejħa fil-post wara rapporti li kien hemm dwar l-isparatura.

Il-gazzetta Sydney Morning Herald irrapportat li l-inċident kien attakk suspettat ta’ vjolenza domestika. Irrapportat ukoll li l-awtoritajiet għadhom qed jippruvaw jillokalizzaw lir-raġel armat u li ġew skjerati pulizija armati sa snienhom.

Ingħad li r-raġel armat kien ħarab mix-xena f’vettura li kienet proprjetà tal-kunsill lokali.

Il-Pulizija qalu li qegħdin jipprova jsibu lil Julian Ingram li hu s-suspettat ewlieni.

Lake Cargelligo jinsab fiċ-ċentru ta’ New South Wales u għandu popolazzjoni ta’ madwar 1,500 ruħ.

Dan l-inċident isegwi l-isparatura tal-massa li seħħet ix-xahar li għadda f’Bondi Beach f’Sydney fejn mill-inqas inqatlu 15-il persuna.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport