Friday, December 20, 2024

Tliet persuni mistennija jitressqu l-Qorti b’rabta ma’ aggressjoni fuq raġel f’Tas-Sliema

Aqra wkoll

Ilbieraħ, għall-ħabta tas-7:15 a.m., il-Pulizija ntalbet tassisti fix-Xatt ta’ Qui-Si-Sana, Tas-Sliema. 

Mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li raġel ta’ 62 sena residenti Tas-Sliema, ġie aggredit minn żewġ persuni li ħarbu minn fuq il-post waqt li kien qed jagħmel eżerċizzju fiżiku. 

Minn stħarriġ li sar, il-Pulizija stabbiliet f’liema direzzjoni kienu ħarbu u raġel minnhom, li huwa Albaniż u għandu 23 sena, kien miżmum minn membri tal-pubbliku u wara arrestat mill-Pulizija. 

Il-Pulizija mid-Dipartiment tar-Reati Maġġuri u tad-Distrett komplew bl-investigazzjonijiet u aktar tard waranofsinhar ġie arrestat it-tieni aggressur, ukoll Albaniż ta’ 23 sena. 

Minn aktar investigazzjonijiet intensivi illi saru rriżulta li l-aggressjoni kienet waħda premeditata u allegatament iż-żewġ barranin kienu mqabbdin minn persuna oħra sabiex isegwu lill-vittma u jħebbu għalih. Inzerta li waqt li r-raġel ta’ 62 sena kien qiegħed f’Tas-Sliema li ż-żewġ persuni sabu l-mument opportun, waqqfuh u aggredewh. 

L-investigazzjonijiet imbagħad waslu biex tard il-Ħamis billejl, il-Pulizija identifikat l-allegat mandant, Malti ta’ 37 sena u ġie arrestat. 

It-tliet persuni arrestati mistennija jitressqu l-Qorti llum quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Charmaine Galea għall-ħabta tas-2:30 p.m. b’akkużi relatati ma’ dan il-każ. 

Ekonomija

Sport