Tliet plejers aċċertaw posthom mat-tim nazzjonali Malti tal-Blackball hekk kif rebħu l-kategorija rispettiva tagħhom fir-raba’ turnew ta’ kwalikazzjoni għat-tazza tan-nazzjonijiet 2026 li se ssir f’Ġibilta’.
Fil-finali tal-irġiel, Miguel Amato kien ferm aħjar minn Kevin Schembri tant li rebaħ 10-4. Amato dejjem kien preċiż fil-logħob tiegħu bi Schembri li sabha diffiċli jżomm mal-avversarju tiegħu.
Fil-finali ta’ taħt it-23 sena, Nordai Desira għeleb lil Matthias Debono 10-7. Il-plejer rebbieħ wera konsistenza kbira tul il-logħba kollha u meritatament rebaħ din il-finali.
Finalment fil-finali tas-Seniors ta’ ‘l fuq minn 40 sena, Antoine Aquilina għeleb lil Mario Scicluna 10-6. Kienet logħba ferm movimentata biż-żewġ plejers li urew il-ħiliet tagħhom għalkemm Aquilina kellu dik ix-xi ħaġa aħjar mill-avversarju tiegħu.
Fil-jiem li ġejjin jibda l-ħames turnew ta’ kwalifikazzjoni sabiex aktar plejers Maltin jittantaw xortihom li jirrappreżentaw lil pajjiżhom.

