Il-presepist Paul Stellini u l-pasturier Hubert Saliba u Jesmond Micallef flimkien ma’ Charlie Camilleri, it-tnejn li presepisti u pasturiera, taw unur lil pajjiżna fl-Amerika bix-xogħlijiet tagħhom f’wirja prestiġġjuża fil-Mużew tal-Bibbja f’Washington D.C. Il-wirja li saret f’Novembru li għadda inkludiet xeni magħżula mħejjija permezz ta’ sejħa pubblika mibdija b’kollaborazzjoni bejn il-Mużew tal-Bibbja u d-Direttorat tal-Kultura ta’ Malta.
Il-kollaborazzjoni bejn il-Mużew tal-Bibbja fl-Amerika u d-Direttorat tal-Kultura tagħna bdiet fl-2019 u issa pajjiżna mmarka pass importanti fil-preżervazzjoni u l-wirja tal-wirt kulturali intanġibbli Malti. F’Jannar 2023 id-Direttorat tal-Kultura ta’ Malta ħareġ sejħa miftuħa fejn stieden sottomissjonijiet ta’ xeni tan-Natività għal wirja fil-Mużew tal-Bibbja.
Il-grupp Malti f’Washington kien immexxi minn Alexander Farrugia, Direttur fid-Direttorat tal-Kultura Malta, flimkien mad-Direttriċi Antoinette Musù u Manuel Vella, ko-ordinatur tal-proġett. F’kumment li ta lil dan il-ġurnal, Farrugia, qal li, “il-wirja ta’ dawn it-tliet xeni tan-Natività Maltin fil-Mużew tal-Bibbja hija xhieda tal-kollaborazzjoni siewja bejn il-Mużew u d-Direttorat tal-Kultura Malta. Hija ċelebrazzjoni tal-wirt, tas-sengħa Maltija u pass sinjifikanti fil-promozzjoni tal-iskambju u l-ftehim kulturali fuq pjattaforma internazzjonali”.
Min-naħa tiegħu, Manuel Vella, li huwa wkoll presepist b’talent uniku, spjega li, “dawn ix-xeni tan-Natività jservu bħala ambaxxaturi tar-rikkezza kulturali ta’ Malta, b’eku ta’ stejjer mill-imgħoddi u jolqtu mal-udjenzi fil-preżent”.
Rigward il-presepju tradizzjonali Malti, għada fuq IT-TORĊA se nippubblikaw intervista ma’ Manuel Vella li jgħidilna xi jfisser u x’jirrikjedi passatemp impenjattiv iżda sabiħ immens, bħalma huwa dak tal-ħolqien tal-presepji.