Ukren ta’ 45 sena kien ikkundannat 3 snin ħabs. Dan wara li fil-Qorti quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima, ammetta li kien kompliċi f’serqiet minn fuq sitt persuni, li ħamsa minnhom kienu anzjani.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni spjegat li l-każ seħħ f’Settembru ta’ sentejn ilum, meta l-imputat Oleg Kapusta kien mixli li kien kompliċi f’serqiet min-Naxxar, mil-Mosta u tnejn f’Tas-Sliema.
Mill-provi rriżulta li Kapusta kien qed isuq il-karozza li minnha niżel raġel ieħor li kien imur jitlob il-flus lill-vittmi mbagħad jisraqhom.
Meta ġiet biex tgħti s-sentenza, minbarra it-tliet snin priġunerija, il-Maġistrat Grima ordnat lil Kapusta sabiex iħallas lil vittmi. Il-Maġistat rabitu b’garanzija personali ta’ €2,000 għal żmien sena biex ma jdejjaqx lill-vittmi kif ukoll ħarġet ordni ta’ trażżin għal sentejn biex tipproteġi lill-istess vittmi.

