Sunday, March 22, 2026

Tliet snin ħabs għax seraq laptops 

Aqra wkoll

Raġel ta’ 35 sena residenti Birżebbuga ġie kkundannat 3 snin ħabs wara li nstab ħati li seraq laptops minn ċentru tal-outreach.

 L-imputat li għandu rekord kriminali kien ġie akkużat li seraq b’€7,322 f’apparat elettroniku. Il-Prosekuzzjoni qalet li waslet biex tarresta lill-imputat wara li ħalla l-marki ta’ subgħajh fuq il-post tar-reat. 

Din is-serqa kienet saret f’Ħal Tarxiex mill-Kunsill Lokali fl-2022.

Fil-Qorti ntqal li l-imputat ma kienx waħdu meta wettaq din is-serqa. Il-Prosekuzzjoni qalet li l-ħallelin kienu daħlu minn tieqa tal-karma tal-banju li tinsab fuq in-naħa ta’ wara tal-bini. L-investigaturi sabu l-marki ta’ swaba fuq is-sink li kien hemm taħt it-tieqa li daħlu minnha. Minn hemm insterqu mal-10 laptops, chargers u mouse.

Il-ħallelin neħħew is-serial number u ħallew il-kaxxi tal-laptops hemm. Mill-eżami forensiku ħareġ li waħda mill-marki ta’ swaba’ kienet taqbel ma’ tal-imputat.

Wara li komplew l-investigazzjonijiet, l-imputat kien ġie arrestat u anke interrogat. Mal-pulizija hu kien ammetta li daħal jisraq ma’ persuna oħra u qal li biegħu l-affarijiet u qala’ €200.

Il-Qorti fis-sentenza tagħha qalet li l-fedina penali tal-akkużat bħala waħda “ta’ proporzjonijiet bibbliċi”. 

Il-Prosekuzzjoni f’dawn il-proċeduri ppreżentat 18-il sentenza tal-Qorti li juru li l-imputat huwa riċediv. Fost dawn, fl-2019, kien ingħata tliet sentenzi ta’ priġunerija, waqt li kien ingħata wkoll żewġ sentenzi sospiżi fl-2021. Intqal li s-serqa minn Ħal Tarxien saret fiż-żmien operattiv ta’ waħda minn dawk is-sentenzi sospiżi.

Il-Qorti qalet ukoll li s-serqa kienet aggravata għax kienet intużat il-forza biex jiġi aċċessat iċ-ċentru. Ma’ dan hemm il-valur tal-oġġetti misruqa u li r-reat sar mal-lejl.

Il-Maġistrat Nadine Sant Lia kkundannatu tliet snin ħabs u ordnatlu jħallas lura €7,322.50 lill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien. Huwa jrid iħallas ukoll €1,709 fi spejjeż tal-Qorti.

L-avukat Nicholas Mifsud mexxa d-difiża filwaqt li l-prosekuzzjoni tmexxiet mill-avukat Joseph Camilleri Azarov mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u mill-ispettur Antonello Magri.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport