Raġel ta’ 36 sena kien ikkundannat tliet snin ħabs wara li nstab ħati li darab gravi raġel ieħor bi strument li jaqta’ waqt argument f’bar fl-Imsida.
Il-każ seħħ fit-13 t’Ottubru 2020. Fil-Qorti nstema’ kif l-allegat vittma kien mar l-Għassa tal-Imsida jirrapporta li kien ġie aggredit fil-bar tiegħu u qala’ daqqiet ta’ sikkina f’dahru.
Fix-xhieda tiegħu, il-vittma spjega li l-imputat ġieli kien mar il-bar tiegħu u li l-argument beda hekk kif l-imputat ried jixrob u l-vittma infurmah li ma kienx se jaqdih għax kien se jagħlaq.
Min-naħa tiegħu, l-imputat ammetta li kien involut fil-ġlieda iżda ċaħad l-akkuża li kellu fuqu arma taqta’ u li ħebb għalih b’sikkina.
Minn filmati tal-kameras tas-sigurtà jidher sid il-bar ħiereġ jiġri mill-ħanut u tlitt irġiel isegwuh, fosthom l-imputat, li ngħaraf bħala l-persuna li kien qed izappap. Dan kien ikkonfermat minn xhud li nzerta daħal fil-bar fil-ħin tal-ġlieda, li qal li mar jipprova jferraq lil imputat u lil sid il-bar.
Minbarra li l-imputat instab ħati li darab gravi lil sid il-bar b’sikkina, instab ħati wkoll li kiser il-paċi pubblika. Il-Qorti qieset ukoll li l-imputat kien ilu jxellef difrejh mal-liġi, u għalhekk tagħtu piena ta’ ħabs effettiva, li minnha jrid jitnaqqas iż-żmien li dam arrestat.
Huwa ġie ordnat ukoll biex fi żmien sena jħallas €2,305 fi spejjeż tal-esperti u ntrabat b’ordni ta’ trażżin fil-konfront tal-vittma għal tliet snin.

