Saturday, December 14, 2024

Tliet snin ħabs wara li hedded Spettur u seraq minn żewġ vetturi

Aqra wkoll

Emanuel Bianchi ta’ 38 sena ntbagħat tliet snin ħabs wara li wieġeb ħati li seraq minn żewġ vetturi f’Raħal Ġdid u li hedded Spettur tal-Pulizija fil-bini tal-Qorti. 

Huwa ammetta li fl-4 ta’ Novembru 2021 seraq basket u oġġetti oħra minn ġewwa Toyota Tercel u fil-ġurnata ta’ wara seraq speakers minn Toyota Starlet.

Akkużi oħra li nġiebu kontra tiegħu jgħidu li nhar is-6 ta’ Novembru, fil-bini tal-Qorti, hedded lil Spettur tal-Pulizija, m’obdiex l-ordnijiet tal-pulizija u li sar reċediv.

Dwar il-piena, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Marse-Ann Farrugia kkunsidrat li Bianchi għandu fedina penali refrettarja b’xejn inqas minn 18-il kundanna. Ħamsa minn dawn huma dwar serq, sitta dwar ksur tal-liġijiet tas-sewqan, kundanna oħra hi li kkaġuna feriti ħfief u tliet kundanni dwar pussess sempliċi tad-droga. 

Minn dak li ħareġ fil-Qorti rriżulta li r-raġel għandu problema ta’ tossiko-dipendenza. Però jidher li sa issa ma għamel xejn biex jeħles minn din id-dipendenza. Mix-xhieda tal-uffiċjal tal-probation, jirriżulta li waqt l-ordni ta’ probation li kienet ingħatat lilu huwa kien beda programm ta’ rijabilitazzjoni mal-Caritas mill-ħabs stess u kien lesta l-fażi residenzjali.

“Però, wara li skonta s-sentenza ta’ priġunerija fl-2019, u ħareġ mill-ħabs, huwa rrifjuta milli jmur jirrisjedi f’Dar Charlie Miceli, kif kien obbligat jagħmel sabiex itemm il-programm ta’ rijabilitazzjoni u reġa’ rritorna lura għall-vizzju tad-droga,” innotat il-Qorti. 

Fir-rapport tagħha, l-uffiċjal tal-probation kienet osservat li għalkemm l-imputat reġa’ wera x-xewqa li jagħmel programm ieħor ta’ rijabilitazzjoni, innotat li jixtieq isegwi biss “skont it-termini u l-kundizzjonijiet tiegħu.”

Mill-istess rapport, jirriżulta li sa dakinhar l-imputat ma kien għadu għamel l-ebda pjan jew struttura konkreta sabiex jibda l-programm mal-Aġenzija Sedqa.

Kien hawn fejn il-Qorti qalet li għandha dubji serji dwar kemm Bianchi għandu verament motivazzjoni serja li jagħmel dan il-progamm. Osservat ukoll li l-imputat kien qabad jidgħi fil-Qorti għax skont hu l-uffiċjal prosekutur “tefgħatu l-ħabs għalxejn.” 

“Barra minn hekk, f’ħin minnhom ħares lejn l-uffiċjal prosekutur u qalilha ‘Int għalxejn tfajtni l-ħabs. Tibżax… issa jasal iż-żmien li noħroġ.’ Din hija theddida serja fil-konfront ta’ Spettur li kienet qed taqdi d-doveri tagħha skont il-liġi. Huwa totalment inaċċettabli li għax qdiet id-doveri tagħha, hija tiġi rinfaċċata bi kliem verbali u abbużiv u saħansitra ta’ theddid,” qalet il-Qorti. 

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti sabitu ħati tal-akkużi kollha miġjuba kontra tiegħu u kkundannatu tliet snin ħabs flimkien ma’ multa ta’ €2,000. Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ trażżin fil-konfront tal-ħati, li tipprovdi għas-sigurtà tal-Ispettur inkwistjoni, għall-perjodu ta’ tliet snin.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Anthony Scerri.

Ekonomija

Sport