Friday, December 27, 2024

Tliet snin ħabs wara li seraq ġugarelli minn fabbrika fiż-Żejtun

… il-koakkużat liberat minħabba nuqqas ta’ provi

Aqra wkoll

Il-Qorti tal-Appell Kriminali kkundannat lil Ahmad Yassine tliet snin ħabs effettivi wara li nstab ħati ta’ serq aggravat. Dan filwaqt li ssuspettat l-ieħor ħareġ liberat minn kull akkuża.

Il-każ imur lura għall-11 ta’ Settembru 2018. Iż-żewġt imputati kienu mixlija li fl-imsemmi data kkommettew serq aggravat minn fabbrika fi Triq Ħal Tarxien, iż-Żejtun. 

Huma ġew akkużati li serqu diversi ġugarelli u li ppruvaw ibigħu l-istess oġġetti, u li kisru l-kundizzjonijiet li bihom ingħataw il-libertà proviżorja mill-Qorti Kriminali ppreseduta mill-Maġistrat Dr Yana Micallef Stafrace nhar is-27 ta’ Settembru 2017.

F’Novembru li għadda, il-Qorti tal-Maġistrati lliberathom minn kull akkuża wara li ma sabithomx ħatja. Sussegwentement, f’rikors ippreżentat mill-Avukat Ġenerali lill-Qorti tal-Appell Kriminali fid-19 ta’ Diċembru 2022 saret talba biex il-Qorti timponi piena stabbilita skont il-liġi.

Fir-rikors, l-AĠ qal li l-Ewwel Qorti għamlet żball meta lliberat lil Ahmed Yassine għaliex skont hu hemm diversi provi li jorbtu lill-akkużat mar-reati li ġie akkużat bihom.

Il-Business Unit Manager tal-fabbrika fejn seħħet is-serqa, nhar l-24 ta’ Settembru 2018 xehed li dakinhar li seħħ il-każ kien irċieva telefonata li daħlulhom xi ħallelin u li nqabdet persuna minnhom. Meta mar fuq il-post nhar il-11 ta’ Settembru 2018 sab lil Ahmed Yassine miżmum minn żewġ persuni. Qal ukoll li fl-istess mument sab sitt kaxxi ħdejn il-gate li kienu lesti biex iqabbżuhom, u li meta uffiċjal minnhom fetaħ il-karozza ta’ Yassine sabu fiha pupi u covers tal-plastik. 

Xhieda oħra kienet ta’ waħda mill-ħaddiema li dakinhar filgħaxija kienet qed tieħu kafè mill-canteen tal-fabbrika u rat lil Yassine jiġri b’kaxxa mill-fabbrika u li hu ma kienx impjegat tagħhom. Ingħad li Yassine fl-ebda ħin ma kkontesta x-xhieda. 

Fix-xhieda tal-24 ta’ Settembru 2018, ix-xhieda ppreżentat ritratt tal-imputat l-ieħor iġorr kaxxi fl-akkwata tal-fabbrika u li ġie identifikat mill-propjetarju. Però, minħabba li l-Prosekuzzjoni naqset milli tipprova l-valur tas-serqa, il-Qorti tal-Appell Kriminali ma sabitux ħati ta’ serq u li sar riċediv.

Kien għalhekk li l-Qorti tal-Appell Kriminali, ippreseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, ikkonfermat is-sentenza mogħtija mill-Ewwel Qorti fir-rigward tal-ko-akkużat u lliberatu minn kull akkuża. 

Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ Yassine ddeċidiet li tirrevoka sentenza tiegħu għal waħda ta’ tliet snin ħabs minħabba li nstab ħati ta’ serq aggravat u li sar riċediv. 

Ekonomija

Sport