Ġenituri ta’ tifel li kellu l-marda tal-kanċer wieġbu ħatja fil-Qorti li ffrodaw lil binhom stess u persuni oħra li kienu tawhom il-flus għall-kura tiegħu.
Ir-raġel, li għandu 32 sena, u l-mara ta’ 27 sena, it-tnejn residenti l-Mosta, tpoġġew taħt ordni ta’ probation għal perjodu ta’ tliet snin filwaqt li kienu mmultati €50,000 bejniethom.
Minbarra li kienu mixlija b’akkużi dwar frodi, huma kienu akkużati wkoll li għamlu atti ta’ ħasil ta’ flus filwaqt li r-raġel waħdu kien mixli li laqa’ għandu ħwejjeġ misruqa jew meħudin b’qerq, u li kiser ordni ta’ probation.
Il-koppja wieġbet ħatja ta’ dawn ir-reati quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, li fis-sentenza tagħha kellha kliem iebes meta qalet li l-koppja sfruttaw mill-ġenerożità ta’ min ħenn u wera altruwiżmu bla limitu.
Il-Maġistrat Frendo Dimech qalet li minflok l-koppja apprezzaw dan il-ġest nobbli, bla mistħija u wara li qarrqu b’kulħadd, berbqu frott l-għaraq ta’ sħabhom u tal-pubbbliku inġenerali biex jiffinanzjaw il-vizzju tagħhom għal-logħob, vizzju li kulma ġabilhom kien telf.
Hija qieseet ukoll dak li stqarrew rappreżentanti ta’ Puttinu Cares meta xehdu li minkejja kollox, it-tifel kien ikkurat u miżmum tajjeb mill-ġenituri tiegħu tant li għall-kura ta’ binhom, dawn ġabu ruħhom b’mod eżemplari fejn tawh il-kura medika kollha biex illum jinsab imfejjaq u qiegħed jagħmel progress.
“Il-Qorti tistenna li minn issa’ l quddiem, din il-koppja tgħix ħajja eżemplari bħala ġenituri fit-trobbija ta’ binhom fejn se jkollha teżerċita kawtela kbira tul iż-żmien li se jkun fis-seħħ l-ordni ta’ superviżjoni fuqhom imposta biex ma jxellfux difrejhom mal-liġi.”
Il-Maġistrat irreferiet ukoll għall-fedina penali mtappna u mżewqa li għandu r-raġel filwaqt li dik tal-mara kienet waħda nadifa. Innotat li b’kollox f’dan il-każ il-koppja ffrodat b’€35,000 li ntilfu fil-logħob iżda rikavat mill-ħasil ta’ flus ma kienx hemm.
Minbarra l-ordni tal-probation u l-imsemmija multa, il-Qorti poġġiet lill-ħatja taħt ordni ta’ trattament għall-perjodu ta’ tliet snin. Il-Qorti ordnat li s-somma ta’ €35,000, rappreżentanti r-rikavat tal-frodi, jiġu kkonfiskati favur il-Gvern ta’ Malta.
Finalment il-Qorti ordnat il-konfiska tal-proprjetà mobbli jew immobbli tal-imputati, li ġie spjegat lilhom ukoll il-konsegwenzi jekk jikkommettu reat ieħor waqt il-perjodu operattiv ta’ din is-sentenza kif ukolll jekk ma jsegwux id-direttivi li se jingħatawlhom fil-perjodu ta’ superviżjoni.