Monday, November 4, 2024

Tliet snin u sitt xhur ħabs fuq xiri ta’ air conditioners b’ċekkijiet misruqa

Aqra wkoll

Raġel ta’ 34 sena mill-Gżira ġie kkundannat tliet snin u nofs ħabs wara li nstab ħati li xtara numru ta’ air conditioners u ħallas deliveryman tal-ikel b’ċekkijiet misruqa.

Fil-Qorti intqal li l-Pulizija kienet irċeviet numru sostanzjali ta’ rapporti li kienu jgħidu li ngidmu wara li pprovdew servizz lil akkużat Thomas Camilleri matul ix-xahar ta’ Marzu 2021.

Intqal ukoll li l-ewwel rapport sar minn żewġ ħaddiema li jbigħu l-air conditioners, li qalu li Camilleri ħallashom b’ċekk ta’ €1,000 li ma jissarrafx minħabba li kien imniżżel fuq persuna oħra. It-tieni rapport sar minn deliveryman, fejn ingħad li dan wassal l-ikel lill-akkużat u li Camilleri ħallsu b’ċekk ta’ €200 li wkoll ma setax jissarraf.

Rapport ieħor sar mingħand raġel li biegħ televixin lil Camilleri, fejn dan qal li meta mar jagħtihulu, l-imputat talbu biex jistennieh sabiex imur jiġbed il-flus mill-ATM u dan baqa’ ma irritornax.

Fil-Qorti saret referenza għal rapport ieħor li sar minn raġel li biegħ żewġ air conditioners lill-akkużat u li dan tah ċekk ta’ €1,700 li wkoll ma setax jissarraf. Kien hemm ukoll rapport ieħor mingħand xufier tat-taxi li rrapporta li meta darba minnhom wassal lill-akkużat lejn San Pawl il-Baħar, allegatament seraqlu €110.

Mill-investigazzjoni tal-Pulizija rriżulta li r-reati li wettaq Camilleri, saru waqt li kien qiegħed barra fuq żewġ digrieti ta’ libertà proviżorja.

Wara li semgħet il-provi kollha imressqa fil-Qorti, il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia sabet lil Thomas Camilleri ħati ta’ akkużi ta’ frodi. Fost il-provi imressqa mill-Prosekuzzjoni kien hemm ukoll il-ktieb taċ-ċekkijiet li kien qiegħed jintuża mill-akkużat.

Huwa iżda ma nstabx ħati li seraq lix-xufier tat-taxi għax għalkemm identifikah fl-awla, dakinhar il-passiġġier li serqu kien liebes maskra tal-Covid u għalhekk il-Qorti kellha dubji kemm fil-verità seta’ jingħaraf.
Meta ġiet biex tagħti l-piena, il-Qorti qieset li l-akkużat kien diġà ġie kkundannat 10 darbiet oħra, fosthom dwar serq u frodi.

Kien għal dawn ir-raġunijiet li l-Qorti kkundannat lil Thomas Camilleri sentenza ta’ tliet snin u sitt xhur priġunerija. Minbarra l-piena ta’ ħabs, hija ordnat li d-depożitu ta’ €250 u garanzija personali ta’ €4,000 li bihom ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq żewġ każijiet oħra jgħaddu għand il-Gvern.

Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispetturi Godwin Scerri u Christina Delia.

Sport