Saturday, December 14, 2024

Tliet vetturi bil-Y plates instabu joperaw mingħajr it-tag f’San Ġiljan

Aqra wkoll

Transport Malta organizzat roadside inspection is-Sibt filgħaxija biswit Pender Gardens. L-operazzjoni kellha l- għan li tiżgura konformità mar-regolamenti tas-sigurtà fit-toroq u żżomm l-integrità tas-sistema tat-trasport ta’ Malta.
Total ta’ 95 vettura bi pjanċi Y ġew spezzjonati bir-reqqa waqt l-operazzjoni.
Ir-riżultati tal-ispezzjonijiet żvelaw diversi nuqqasijiet li jeħtieġu attenzjoni immedjata.

Fost in-nuqqasijiet li ġew osservati, tliet vetturi instabu li kienu qed joperaw mingħajr it-tag meħtieġa, filwaqt li vettura waħda kellha problemi bis-sistema tad-dawl tagħha. Barra minn hekk, żewġ vetturi nstabu pparkjati f’żoni pprojbiti permezz ta’ double yellow line u li kienu ta’ periklu potenzjali għall-utenti tat-triq. Vettura waħda kienet qed tikkawża tfixkil fil-fluss tat-traffiku, u vettura oħra kienet involuta f’venda mhux awtorizzata.

Minbarra l-ispezzjonijiet tal-vetturi, l-operazzjoni kienet immirata wkoll għall-Escooters, li saru dejjem aktar popolari fit-toroq ta’ Malta. Inħarġu diversi kontravvenzjonijiet għal diversi vjolazzjonijiet, fosthom waħda għal ipparkjar b’mod illegali, waħda għal no-entry, u waħda għal sewqan mingħajr liċenzja valida. Ġew innutati dsatax-il każ ta’ ostruzzjoni, fejn vetturi pparkjati fixklu l-moviment tat-traffiku. Instabu ħmistax-il individwu li ma kinux liebsin vests tas-sigurtà, u nstabu żewġ vetturi pparkjati quddiem garaxxijiet, li kkawżaw inkonvenjent lir- residenti.

L-impenn ta’ Transport Malta biex tiżgura s-sigurtà fit-toroq imur lil hinn mill-ispezzjonijiet tal-vetturi. L-uffiċjali kienu preżenti wkoll f’foot patrol tul il-promenade ta’ Tas-Sliema/San Ġiljan.

Transport Malta tkompli tagħti prijorità lis-sigurtà u l-benessri tal-utenti kollha tat-triq u se tibqa’ viġilanti fl- infurzar tar-regolamenti biex jinżamm netwerk ta’ trasport sigur u effiċjenti.

Ekonomija

Sport