Ġuvni ta’ 19-il sena residenti l-Mellieħa ġie kkundannat sentenza sospiża kif ukoll kellu l-liċenzja tas-sewqan sospiża għal sena wara li ammetta li saq b’mod perikoluż waqt attività ta’ Halloween.
Iverson Bartolo, ammetta quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea li saq karozza BMW b’manjiera perikoluża u mingħajr ma kellu liċenzja tas-sewqan u mingħajr ma kien kopert b’polza ta’ assigurazzjoni dwar ir-riskji għal terzi persuni. Il-każ seħħ nhar il-Ġimgħa li għadda, għall-ħabta tal-10.30 p.m., f’Pembroke.
Il-Qorti kkunsidrat is-sottomissjonijiet tal-Prosekuzzjoni u d-Difiża dwar il-piena. Min-naħa tagħha, il-Prosekuzzjoni spjegat li filwaqt li kienet qed tħalli f’idejn il-Qorti dwar il-kalibrar tal-piena, għandu jittieħed in konsiderazzjoni li l-imputat inqabad isuq mingħajr liċenzja ġo żona fejn kien hemm ħafna nies, inkluż tfal, li kienu qegħdin jiċċelebraw il-lejl ta’ Halloween ġewwa Pembroke.
Il-Prosekuzzjoni spjegat kif l-imputat ma waqafx meta ġie ordnat jagħmel hekk mill-Pulizija, imma kompla jsuq b’veloċità eċċessiva minn ġo toroq miżgħudin nies, abbanduna l-vettura fuq parkeġġ riservat għall-persuni b’diżabilità sakemm eventwalment instab fuq bank ġewwa l-bajja ta’ San Ġorġ. Min-naħa l-oħra, id-Difiża talbet illi l-imputat jiġi trattat b’sanzjoni ta’ libertà kundizzjonata għaliex iddispjaċih tal-akkadut u mal-ewwel opportunità li kellu huwa rreġistra ammissjoni.
Il-Qorti kkunsidrat l-ammissjoni bikrija tal-imputat filwaqt li qalet li r-reati inkwistjoni m’għandhomx jiġu trattati b’mod leġġer u dan għaliex minbarra li huwa kien qed jikser il-liġi b’mod lampanti, seta’ pperikola wkoll il-ħajja ta’ għadd ta’ nies.
“Barra minn hekk, meta rrealizza li kien inqabad mill-Pulizija, mhux talli ma waqqafx u obda l-ordnijiet mogħtija lilu mill-Pulizija, iżda talli baqa’ jsuq b’mod negliġenti biex jaħrab lill-istess. Illi dan l-aġir ċertament ma jistax jiġbed lejh is-simpatija ta’ din il-Qorti.”
“Illi ċertament, għalkemm l-imputat għad għandu biss 19-il sena, kien jaf sewwa li kien qiegħed jikser il-liġi għaliex inkella ma kienx jipprova jiżgiċċa lill-Pulizija. Barra minn hekk, għalkemm kien jaf li ma kellux liċenzja u ma kienx kopert minn polza ta’ assikurazzjoni, għażel li jsuq vettura fl-abitat, liema ħaġa tkompli taggrava l-pożizzjoni tiegħu, għalkemm anke kieku stess saq fid-diżabitat, ir-reat xorta jissussiti u huwa gravi,” żied jingħad.
“Il-Qorti hija konxja tal-ġurisprudenza ta’ dawn il-Qrati fejn ħafna drabi sewqan bla liċenzja jiġi trattat b’piena pekunjarja u f’xi każijiet oħra b’sentenza sospiża. Il-Qorti tinnota illi dawn is-sanzjonijiet, sfortunatament, ma servewx wisq bħala deterrent għal min irid jabbuża u jsuq bla liċenzja”.
Madanakollu, il-Maġistrat Galea qalet li minħabba li l-imputat għandu fedina penali netta, kienet se tkun qed tagħtih ċans wieħed sabiex jitgħallem mill-iżball li għamel u jkompli b’ħajtu jekk huwa jrid. Innotat ukoll li l-imputa għamel jumejn arrestat qabel ingħatat din is-sentenza u għalhekk għandu jifhem xi tfisser li titlef il-libertà. “Jekk l-imputat ma jiħux din it-tagħlima u ma jagħrafx jieħu din l-opportunità li qed jingħata, allura l-Qorti ma jkun jifdlilha ebda triq oħra ħlief li tittratta miegħu b’piena karċerarja.”
Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti sabet lil Bartolo ħati tal-imputazzjonijiet kollha miġjuba fil-konfront tiegħu u kkundannatu għal piena ta’ tliet xhur priġunerija sospiżi għal sentejn filwaqt li skwalifikatu milli jikseb liċenzja tas-sewqan għal żmien 12-il xahar.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Nathan Bugeja u Clive Abela waqt li għall-imputat dehru l-Avukati Noel Bianco u Jean-Paul Sammut.

