Spezzjonijiet li saru lbieraħ filgħaxija f’numru ta’ postijiet f’Ħaż-Żabbar b’rabta ma’ droga, wasslu għall-arrest ta’ tliet persuni, żewġ ġuvintur u tfajla.
F’residenza fi Triq Santa Marija, il-Pulizija sabet diversi kapsoli bi droga suspettata kokaina, b’valur fit-triq ta’ madwar €8,000, kif ukoll borża b’sustanza suspettata ħaxixa tal-kannabis, lesta għat-traffikar. Minn din ir-residenza ġew arrestati raġel ta’ 25 sena u mara ta’ 20 sena.
Minn residenza oħra, fi Triq Santa Klara, ġie arrestat raġel ta’ 20 sena minn Wied il-Għajn wara li fil-post instab ammont ta’ pjanti tal-kannabis iżjed milli permessibbli mil-liġi u ammont ta’ ħaxixa tal-kannabis lesta għat-traffikar
Saret ukoll tfittxija oħra fi stabbiliment fi Triq ix-Xgħajra fejn din irriżultat fin-negattiv. It-tliet persuni qegħdin jinżammu fil-lock-up il-Floriana għal aktar stħarriġ u mistennija jitressqu l-Qorti fil-jiem illi ġejjin. L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.
Skont ma qiegħed ikun irrappurtat huwa mifhum li l-Oseris Bar huwa mmexxi minn Burton Azzopardi, iż-żagħżugħ ta’ 21 sena li fl-aħħar jiem ġie mixli li pprova jikkorrompi xhud li għad irid jixhed f’kawża separata. Filwaqt li wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, id-difiża talbet li huwa jingħata l-ħelsien mill-arrest anke fid-dawl tal-fatt li huwa jmexxi negozju u li mingħajr il-preżenza tiegħu dan kien qiegħed ibati fost raġunijiet oħra. Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Ian Farrugia ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat li jinżamm taħt arrest preventiv fil-faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
L-investigazzjoni tal-Pulizija għadha għaddejja.