Il-Qorti tiċħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest; il-proċeduri jieqfu għal ħin meta omm waħda mill-imputati kellha attakk ta’ paniku fil-qorti filwaqt li l-Qorti twaqqa’ lill-avukat Franco Debono minn fuq il-każ minħabba disprezz lejn il-Qorti
Tliet żgħażagħ tressqu l-Qorti akkużati b’reati serji relatati ma’ attakk b’sikkina fuq tfajla minorenni f’Birkirkara.
L-imputati huma Aaliyah Borg ta’ 18-il sena, Kenley Borg ta’ 20 sena u Liam Agius ta’ 25 sena. It-tlieta wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom.
Skont il-prosekuzzjoni, l-allegat każ seħħ fl-1 ta’ Marzu bejn il-5pm u t-8pm fi Triq Kalċidon, kantuniera ma’ Triq Paris, f’Birkirkara.
Il-Qorti semgħet li Aaliyah Borg tinsab akkużata li kkawżat ġrieħi gravi fuq tfajla minorenni ta’ 16-il sena, permezz ta’ arma li taqta’ u bil-ponta. Hija tinsab ukoll akkużata li heddet lill-istess vittma, kif ukoll li ġarret arma li taqta’ mingħajr il-permess meħtieġ.
Kenley Borg u Liam Agius jinsabu akkużati li aġixxew bħala kompliċi fl-allegat attakk li rriżulta fil-ferita gravi fuq il-minorenni.
Mill-akkużi jirriżulta wkoll li Kenley Borg jinsab mixli li saq vettura mingħajr liċenzja tas-sewqan, filwaqt li Liam Agius jinsab akkużat li wettaq ir-reat waqt il-perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża mogħtija kontrih f’Settembru tal-2025.
Il-Qorti semgħet ukoll li waħda mill-imputati kienet daħlet fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Birkirkara fejn qalet li kienet involuta fi ġlieda iżda ma ridietx tagħmel rapport, riedet biss li il-vittma ma tersaqx lejha.
Fil-proċeduri dehru l-avukati Franco Debono, Charles Mercieca, Axl Camilleri, Jose Herrera u Matthew Xuereb f’isem id-difiża.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest għat-tliet imputati, iżda l-prosekuzzjoni opponiet din it-talba. Wara li semgħet l-argumenti taż-żewġ naħat, il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat li l-imputati jinżammu taħt arrest.
F’dan il-punt seħħ ukoll mument ta’ tensjoni meta omm waħda mill-imputati sofriet attakk ta’ paniku fl-awla. Intalbet ambulanza u s-seduta kellha titwaqqaf temporanjament.
Meta l-proċeduri reġgħu bdew, il-Maġistrat iddeċidiet li twaqqa’ lill-avukat Franco Debono mill-każ minħabba dak li ġie deskritt bħala diżprezz lejn il-qorti.
L-akkużati inżammew taħt arrest.

