L-Iskwadra tal-Pulizija ta’ Kontra l-Vizzju tad-Droga, ilbieraħ arrestaw tliet persuni f’żewġ operazzjonijiet separati b’rabta ma’ allegat traffikar ta’ droga.
Fl-ewwel ħidma, membri ta’ din l-iskwadra assistiti mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit segwew vettura li kienet qiegħda tinstaq f’Birżebbuġa. Għall-ħabta tal-4:00 p.m, il-Pulizija waqqfu l-vettura u ġie stabbilit li kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 24 sena, residenti Ħaż-Żabbar.
Waqt li r-raġel ġie arrestat, saret tfittxija fil-vettura, bil-Pulizija jsibu ammont konsiderevoli ta’ sustanza suspettuża, allegatament kokaina, raża u ħaxixa tal-cannabis, kif ukoll ammont konsiderevoli ta’ flus kontanti. Ir-raġel ittieħed il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija għall-aktar investigazzjonijiet.
Għall-ħabta tas-6:00 p.m, waqt osservazzjoni fuq grupp ta’ persuni li kienu max-xatt ta’ Buġibba, il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga arrestaw żewġ persuni – raġel ta’ 33 sena residenti Baħar iċ-Ċagħaq u mara ta’ 32 sena mis-Serbja – b’suspett li allegatament kienu qegħdin jitraffikaw id-droga.
Minn tfittxija li saret, fil-pussess tagħhom instabu diversi tipi ta’ sustanzi suspettużi, allegatament ecstacy, LSD u drogi oħra sintetiċi. Iż-żewġ persuni ttieħdu l-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija għal aktar investigazzjonijiet.
Biż-żewġ każijiet kienet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Caroline Farrugia Frendo.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dawn il-każijiet għadhom għaddejjin.




