Saturday, November 23, 2024

Tlieta arrestati b’rabta ma’ ħtif ta’ mara; Il-vittma tinstab ftit sigħat biss wara f’appartament f’Buġibba

Aqra wkoll

Ħidma delikata mill-Pulizija ta’ Kontra l-Vizzji, tar-Reati Maġġuri, tad-Distrett tal-Imsida u tar-Rapid Intervention Unit (RIU), wasslet biex mara ta’ 50 sena mil-Lebanon, li nħatfet mir-residenza tagħha fl-Imsida, instabet qawwija u sħiħa f’appartament f’Buġibba.  

B’rabta ma’ dan il-każ, ġew arrestati żewġt irġiel ta’ nazzjonalità Libjana ta’ 43 u 36 sena u tfajla Maltija ta’ 22 sena, li allegatament ħatfu lil mara.  

Is-Sibt li għadda, f’xi s-sebgħa ta’ filgħaxija (1900hrs), il-Pulizija rċeviet telefonata fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija l-Floriana minn raġel jirrapporta li Libjan għamel kuntatt miegħu u heddu li jekk ma jħallasx somma flus, mhux se jara iżjed lil ommu.  

Investigazzjoni min-naħa tad-Distrett irriżulta li l-mara nħatfet mir-residenza tagħha u minnufih bdiet tfittxija għaliha, kif ukoll għall-persuni li ħatfuha. L-investigazzjoni wasslet biex is-Sibt, għal-ħabta tal-10.30 p.m. iż-żewġ Libjani ġew arrestati mill-Pulizija tar-RIU f’Tas-Sliema. Ftit wara l-11.00 p.m., il-pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra l-Vizzji, tar-Reati Maġġuri u tar-RIU, sabu lil mara, li kienet qiegħda tinżamm mit-tfajla Maltija f’appartament fi Triq Barnaba, f’Buġibba.  

It-tliet persuni arrestati ttieħdu l-lock-up fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija l-Floriana, waqt li l-vittma ngħatat kura f’ċentru tas-saħħa. Il-vittma qiegħda tingħata wkoll assistenza mill-Victim Support Unit tal-Korp tal-Pulizija. 

Dwar dan il-każ infetħet inkjesta maġisterjali. 

It-tliet persuni se jitressqu l-Qorti llum għall-ħabta tan-12.30 p.m. quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Claire Stafrace Zammit u jkunu akkużati mill-Ispetturi John Spiteri, Stephen Gulia u Jessica Bezzina, bi ħtif ta’ persuna, sekwestru u biża’ bi vjolenza, fost akkużi oħra.  

Sport