Tliet persuni tressqu fil-Qorti ta’ Għawdex fejn ġew mixlija b’rabta mal-argument li seħħ l-Erbgħa li għadda fix-Xagħra Għawdex. Wieħed mill-imputati ammetta l-akkużi filwaqt li t-tnejn l-oħra wieġbu mhux ħatja.
L-ewwel li tressaq kien Juliano Dine, Albaniż ta’ 19-il sena, iżda residenti Marsalforn fejn ġie mixli li mingħajr il-ħsieb li jpoġġi l-ħajja fil-periklu ta’ persuni weġġa’ b’mod ħafif persuna waqt l-argument imsemmi. Hu kien akkużat ukoll li kien qiegħed iġorr arma mingħajr il-permess tal-pulizija.
Il-Prosekuzzjoni spjegat kif l-akkużat kien qiegħed iġorr martell li naħa minnhom kien bil-ponta. Dine kien iffaċċjat ukoll b’akkużi li wettaq ħsara fuq il-vettura taż-żewġ imputati l-oħrajn fost l-oħrajn. Fil-Qorti nstema’ kif l-imputat kien l-allegat vittma f’dan il-każ flimkien ma’ missieru.
Il-Maġistrat Brigitte Sultana, li quddiemha tressaq l-imputat, wissietu li qiegħed jiffaċċja akkużi serji u sussegwentement staqsietu x’se jwieġeb għall-akkużi miġjuba kontrih. Permezz tal-Avukat tiegħu, Dr Carmelo Galea, l-imputat qal li huwa aġixxa biex jiddefendi lill-missieru li f’dan il-każ sofra ġrieħi gravi.
Qal li hu spiċċa f’dan kollu minħabba li missieru kien provokat mill-imputati l-oħrajn. Id-Difiża qalet li l-imputat kien lest li jammetti jekk il-Qorti tqis li għandu jingħata sentenza ta’ ħabs sospiża. L-Avukat Galea qal li l-klijent tiegħu kien lest li jagħmel tajjeb għal ħsara li wettaq lil terzi persuni.
Min-naħa tagħha, il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Josef Gauci ma oġġezzjonatx li l-imputat jingħata sentenza sospiża sakemm iħallas il-ħsarat kollha li wettaq u tinħareġ ordni ta’ protezzjoni biex ma jkellimx lill-imputati l-oħrajn.
Wara li semgħet liż-żewġ naħat, il-Qorti filwaqt li qieset l-ammissjoni tiegħu li saret fil-bidu nett ta’ dawn il-proċeduri u l-fatt li huwa kien wieħed mill-vittmi f’dan il-każ, madanakollu saħqet li xorta waħda kellu jerfa’ r-responsabbilità ta’ dak li wettaq.
Għalhekk, il-Maġistrat Sultana wara li sabitu ħati tal-akkużi, ikkundannatu sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin kif ukoll multa ta’ 500 ewro li l-imputat għandu jħallas fi żmien xahar. Huwa kien ordnat ukoll sabiex fi żmien erba’ xhur l-imputat iħallas l-ispejjeż kollha tad-danni li wettaq lil terzi.
Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur iż-żewġ imputati l-oħrajn fejn wissiet lil Dine li għal dawn l-erba’ snin li ġejjin ma jistax bl-ebda mod jitkellem jew jersaq lejhom.
Intant, ftit tal-ħin wara tressqu Aleksander Marku u ħuh Novi Marku, żewġ Albaniżi oħrajn b’rabta mal-istess każ.
Aleksander ta’ 30 sena qal li hu residenti Għajnsielem filwaqt li jaħdem fil-kostruzzjoni u sewwieq tal-bolt filwaqt li ħuh Novi li għandu 34 sena qal li hu residenti x-Xlendi u jaħdem ma’ ħuh fil-kostruzzjoni.
Huma ġew akkużati li pprovaw joqtlu lil Ferdinant Dine u kkawżawlu ġrieħi ta’ natura gravi. Huma kienu mixlija wkoll li kkawżaw ħsarat fil-proprjetà ta’ ħaddieħor u li saqu vettura b’mod traskurat, perikoluż u mingħajr polza ta’ assigurazzjoni. Novi waħdu kien akkużat li pprova joqtol ukoll lil Juliano Dine meta allegatament saq vettura għal fuqu.
Quddiem il-Maġistrat Sultana, id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest fejn qalet li l-imputati huma lesti li joqogħdu għal kull kundizzjoni li tiġi imposta fuqhom mill-Qorti filwaqt li jiżguraw li ma jkellmux lix-xhieda jew lill-vittmi.
Min-naħa tagħha, il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba l-biża’ li l-akkużati jaħarbu mill-pajjiż meta dawn qegħdin jiffaċċjaw akkużi serji ħafna. Qalet li dawn kienu allegatament saqu vettura fuq żewġ persuni b’intenzjoni li joqtluhom u allura jekk jinstabu ħatja hemm piena ta’ priġunerija.
Min-naħa tagħha, id-Difiża qalet li l-biża’ li jaħarbu mill-pajjiż mhux reali minħabba li ż-żewġ imputati għandhom il-familji tagħhom hawn. Qalet li t-tnejn li huma għandhom it-tfal hawn u mart wieħed mill-akkużat tinsab fl-aħħar stadju tat-tqala tagħha.
Il-Qorti wara li semgħet liż-żewġ naħat ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat li dawn jibqgħu jinżammu taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Tilden Tabone f’isem l-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Josef Gauci, filwaqt li għal Juliano Dine deher l-Avukat Carmelo Galea u għall-aħwa Marku dehret l-Avukat Angele Portelli Formosa.