Thursday, October 10, 2024

Tlieta jinżammu arrestati fuq traffikar ta’ droga 

Aqra wkoll

Żewġt irġiel u mara nżammu arrestati wara li tressqu l-Qorti taħt arrest b’rabta ma’ ħidma mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga fuq manifattura u t-traffikar tad-droga kif ukoll ħasil tal-flus.

Wieħed mill-irġiel, Taljan ta’ 51 sena, ġie arrestat f’Marsaxlokk wara li l-Pulizija rċeviet informazzjoni li kien qed juża binja f’Ħal Far għat-traffikar. Huwa kien segwit, imwaqqaf u nstab fil-pussess ta’ madwar €10,000 fi flus kontanti. Imbagħad, il-Pulizija għamlet tfittxija fil-binja f’Ħal Far u fid-dar tiegħu fiż-Żurrieq, fejn instabu madwar kilo droga suspettat kokaina kif ukoll madwar €40,000 oħra fi flus kontanti.

B’rabta mal-istess każ, il-Pulizija għamlet ukoll rejd f’residenza privata fl-Imsida fejn ġew arrestati l-oħrajn, raġel ta’ 49 sena mir-Repubblika Dominikana u mara Spanjola ta’ 24 sena, fejn instabu diversi oġġetti relatati mal-manifattura tal-kokaina.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Mark Anthony Mercieca u Marshal Mallia mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, u mill-Ispettur Keith Mallan mill-Iskwadra ta’ Kontra l-Ħasil tal-Flus fi ħdan id-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet tar-Reati Finanzjarji. 

Sport