Friday, December 13, 2024

Tlieta mixlija b’serq ta’ tagħmir minn sit ta’ kostruzzjoni 

Aqra wkoll

Tliet persuni nżammu taħt arrest preventiv wara li tressqu l-qorti mixlija li l-Ħadd li għadda serqu eluf ta’ ewro f’tagħmir minn sit tal-kostruzzjoni fil-Kalkara.

Brendan Cachia ta’ 35 sena mill-Birgu, Ramon Abela ta’ 46 sena minn Bormla u Josephine Alsulayman ta’ 46 sena mingħajr indirizz fiss, ġew mixlija b’serq aggravat quddiem il-Maġistrat Victor Axiaq.

Cachia kien mixli waħdu li fil-11 ta’ April seraq diversi oġġetti minn garaxx f’Bormla kif ukoll b’serqa oħra mill-Ħamrun nhar it-13 ta’ April. Huwa kien akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest u naqas milli jmur fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija meta kien mitlub biex jagħmel dan. 

Abela waħdu kien akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiiet tal-ħelsien mill-arrest u li sar reċediv filwaqt li t-tnejn l-oħra kenu wkoll mixlija li saru reċedivi. 

Il-Qorti semgħet kif il-pulizija kienet qiegħda tinvestiga serqa minn sit ta’ kostruzzjoni fil-Kalkara. Dak il-lejl, sid il-proprjetà, li nzerta kien uffiċjal tal-pulizija, innota tliet persuni fil-post. Huwa rnexxielu jżomm u jarresta lil wieħed minnhom – Ramon Abela.

Minn filmati tas-sigurtà, irriżulta li l-ħallelin kienu ilhom jisirqu mill-proprjetà l-ġurnata kollha. Iż-żewġ akkużati l-oħra ġew identifikati mill-istess filmati. Cachia wieġeb ħati u kien ikkundannat tliet snin ħabs filwaqt li ż-żewġ imputati l-oħra ċaħdu l-akkużi u baqgħu jinżammu taħt arrest preventiv.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Lydon Zammit, Stephen Gulia u Kurt Farrugia.

L-Avukat Martin Fenech deher għal Cachia u Alsulayman. L-Avukat Ryan Ellul deher għal Abela.

Ekonomija

Sport