Wednesday, November 20, 2024

“Tlifna u għadna nitilfu għax għadna maqtugħin min-nies”

Bernard Grech b’messaġġ qawwi f’għeluq il-Kunsill Ġenerali tal-PN

Aqra wkoll

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, indirizza l-aħħar sessjoni tal-Għeluq tal-Kunsill Ġenerali tal-PN fejn ammetta li l-partit li jmexxi tilef l-elezzjoni għax għadu mhuwiex iwieġeb għas-sejħa tan-nies, mhumiex organizzati biżżejjed, għax il-perċezzjoni barra hija li l-partit għadu mhux magħqud u aktar minnhekk, għax bħala politiċi għadhom maqtugħin min-nies.

“We still look down at people meta fil-verità ħadd m’huwa aħjar minn ħadd. Għidtilkom kemm-il darba. Kulħadd huwa kapaċi. Ejjew nirrispettaw aktar l-intelliġenza tan-nies. Forsi tistaqsu għaliex qiegħed nitkellem hekk… Qiegħed nitkellem hekk għax irrid li nfejqu l-feriti flimkien,” sostna Grech.

Fi tmiem il-Kunsill Ġenerali tal-PN li kellu t-tema ta’ “Politika Fiduċja u Tama” waqa’ silenzju hekk kif il-Kap Bernard Grech semma’ d-difetti kollha tal-partit li jmexxi u talab biex ikun hemm għaqda u fiduċja bejniethom għax “fl-aħħar mill-aħħar, jekk se nibqgħu niddubitaw f’xulxin jew ma nemmnux f’xulxin, allura dak barra ma jibgħatx messaġġ tajjeb”.

Filwaqt li Grech elenka x-xogħol li għamel, għadu jagħmel u be ħsiebu jagħmel għal din il-“familja ġdida tiegħu”, huwa tenna li hemm bżonn ta’ soluzzjonijiet iżda stqarr li huwa m’għandux is-soluzzjonijiet kollha. Minflok, wiegħed li minn issa ‘l quddiem huwa se jqum u jistaqsi x’jista’ jagħmel u x’jista’ jiddeċiedi aħjar fl-interess tal-partit u dan se jagħmlu “ikunu xi jkunu ċ-ċirkostanzi”.

Il-Kap tal-PN wissa li hemm sfidi u realtajiet li qegħdin iħabbtu wiċċhom magħhom u kkwota dak li kien qallu missieru – “ibni int ma tista’ qatt tikkontrolla lil ħaddieġor. Ikkonċentra fuqek x’tista’ tagħmel int aħjar”. Hawn Grech talab lil dawk preżenti biex jaħsbu u jagħmlu dan “għax m’għandix dubju li l-mument aħna nagħmlu aħjar, navvanzaw bil-kbir. Għalkemm ta’ kull xahar nieħdu daqqa u nispiċċaw anke imdejqin għax naraw numri li ma jogħġbuniex, ejjew naħdmu flimkien b’determinazzjoni ‘l quddiem”.

Huwa qal ukoll li l-PN għandu obbligu li jagħti tama lin-nies u li jkunu dejjem aktar onesti. “Irridu nkunu aħjar biex nagħtu t-tama u r-riżultat li noffru partit li jagħti lill-poplu Malti u Għawdxi ħajja aħjar,” insista Grech.

Filwaqt li f’ammissjoni oħra qal li jaf li żgur mhux kull deċiżjoni li ħa u li se jkun qiegħed jieħu se jkunu tajbin “għax min ma jagħmel xejn ma jiżbaljax” talab biex il-membri jkomplu jimmotivaw lil xulxin u enfasizza fuq il-kelma fiduċja bejniethom biex imbagħad il-poplu jagħtih il-fiduċja tiegħu.

Bernard Grech għalaq billi saħaq fl-importanza li, “dak li nistgħu nagħmlu llum nagħmluh għax inutli nibqgħu nirriflettu b’nostalġija fil-passat jew noħolmu fil-futur. Il-futur nistgħu nsaħħuh biss b’dak li nistgħu nagħmlu flimkien illum”.

Sport