Saturday, January 4, 2025

Tlitt ijiem ta’ luttu nazzjonali fil-Montenegro wara sparatura tal-massa

Aqra wkoll

Raġel armat qatel minn tal-inqas 10 persuni, inkluż żewġt itfal, fil-Montenegro. 

Il-każ seħħ l-Erbgħa li għadda, b’uħud mill-imwiet seħħew f’ristorant fiż-żona ta’ Cetinje wara argument verbali bejn xi persuni. Aktar tard ġie kkonfermat li l-allegat aggressur kien qatel lilu nnifsu.

Il-Gvern tal-Montenegro ddikjarat tlitt ijiem ta’ luttu nazzjonali mill-Ħamis, bil-Prim Ministru Milojko Spajic iddeskriva dak li seħħ bħala “traġedja”. 

Skont il-Ministru tal-Intern Danilo Saranovic, l-allegat aggressur qatel lill-membri tal-familja tiegħu stess, tnejn mit-tfal tas-sid tar-ristorant u anke lis-sid innifsu. 

Erba’ persuni li sfaw feruti f’din l-isparatura qed jingħataw il-kura fl-isptar u jinsabu f’kundizzjoni serja. 

L-allegat aggressur, Aleksandar Martinovic ta’ 45 sena, ħarab minn fuq il-post iżda aktar tard qatel lil nnifsu wara li kien iċċirkondat mill-pulizija li talbuh biex ineħħi l-arma minn idejh. 

L-isparaturi tal-massa huma relattivament rari f’dan in-nazzjon żgħir tal-Balkani. 

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport