Sunday, November 24, 2024

Tlitt itfal fost ħamsa l-Isptar wara ħabta bejn tliet karozzi fiż-Żejtun

Aqra wkoll

Ħames persuni, fosthom tlitt itfal, kellhom jittieħdu l-Isptar Mater Dei wara li t-Tlieta li għadda kienu involuti f’ħabta bejn tliet karozzi fiż-Żejtun.

Kien għall-ħabta tal-4.00 p.m. xħin il-Pulizija ġiet infurmata li kien għadu kif seħħ inċident tat-traffiku fi Vjal il-25 ta’ Novembru.

Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post fejn mill-ewwel stħarriġ irriżulta li kienet seħħet ħabta bejn Peugeot 3008 u Chevrolet Matiz.

Jidher ukoll li bid-daqqa, il-karozza Chevrolet laqtet ukoll Mini One, li kienet qed tinstaq minn mara ta’ 58 sena residenti l-Imsida.

Il-Peugeot kienet qed tinstaq minn mara ta’ 38 sena residenti l-Fgura u passiġġiera fiha kien hemm żewġt ibniet ta’ 9 snin.

Ix-xufier tax-Chevrolet kienet mara ta’ 44 sena residenti l-Fgura wkoll u fl-istess karozza, kien hemm ukoll tifel ta’ 7 snin.

Fuq il-post issejħu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku sabiex jassistu, u permezz ta’ diversi ambulanzi l-persuni kollha involuti, minbarra l-mara ta’ 58 sena, ittieħdu l-Isptar Mater Dei.

Aktar tard, it-tliet persuni li kienu fil-Peugeot ġew iċċertifikati li weġġgħu ħafif filwaqt li ż-żewġ persuni li kienu fic-Chevrolet ġew iċċertifikati li weġġgħu gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Sport