Ninsabu ftit jiem biss bogħod mill-qofol tal-festi tal-Milied. Żmien sabiħ li ħafna jkunu dawk li jiddeċiedu li jqattgħuh mal-għeżież tagħhom jew ma’ sħabhom f’xi attività fuq barra.
Bħalma jsir matul is-sena kollha, iżda b’mod speċjali f’dan il-perjodu festiv, l-uffiċjali ta’ Transport Malta, flimkien ma’ entitajiet oħra responsabbli mill-infurzar, se jkunu impenjati f’ħidma sfiqa sabiex jassiguraw is-sigurtà fit-toroq Maltin u Għawdxin.
Dwar dan, dan is-sit ħa l-kummenti tal-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u Proġetti Kapitali Aaron Farrugia, fejn qalilna li diversi uffiċjali tal-infurzar se jkunu preżenti fi spezzjonijiet li tagħmel l-Awtorità minn żmien għall-ieħor u f’ħinijiet differenti tal-ġurnata.
Dan sabiex ikun żgurat li l-vetturi li jkunu qed jinstaqu fit-toroq tagħna jkunu f’kundizzjoni tajba u anke biex jaraw li s-sewwieqa jkunu qed josservaw il-liġijiet tat-traffiku.
Il-Ministru Farrugia fakkar li apparti dan ix-xogħol, Transport Malta torganizza wkoll kampanja sabiex toħloq kuxjenza mas-sewwieqa biex ma jkunx hemm sewqan meta wieħed ikun taħt l-influwenza tal-alkoħol.
It-tema magħżula għall-kampanja ta’ din is-sena hi “Driving is no Different”, fejn TM qiegħda tfakkar li f’dan iż-żmien ta’ festi wieħed għandu jgawdi b’moderazzjoni mingħajr ma’ jkun ta’ periklu għalih u għal ħaddieħor.
“B’hekk, inħeġġu li wieħed m’għandux iħallat is-sewqan u x-xorb flimkien u għandu jagħmel mezz li juża trasport alternattiv, bħal taxis, cabs jew trasport pubbliku,” temm jgħid il-Ministru Farrugia.