It-tmexxija mhiex xi ħaġa faċli. Anzi, mill-esperjenza hija l-iktar ħaġa diffiċli li wieħed jista’ jkollu. Irrilevanti x’ikun qed tmexxi, għaliex dak li tkun qed tagħmel trid tagħmlu sewwa. It-tmexxija hija l-post fejn id-deċiżjonijiet iridu jittieħdu u fejn l-azzjoni trid titwettaq. Min ikun qiegħedd imexxi ħafna drabi ma jiħux id-deċiżjonijiet waħdu imma jkollu numru ta’ nies li jistgħu jgħinuh jiddeċiedi u għalhekk ħafna jgħidu li inti tajjeb daqs kemm iddawwar lilek innifsek b’nies tajbin.
Għaliex jekk inti tkun f’pożizzjoni tat-tmexxija u ddawwar lilek innifsek b’nies ta’ esperjenza u tajbin, dak li jgħidulek, il-pariri li jagħtuk u l-gwida li jipprovdu sejrin ikunu ħafna iktar konkreti milli kieku qed tieħu parir mingħand xi ħadd li ma jkollux dik l-esperjenza li ħafna drabi ma ssibha miktuba fl-ebda ktieb jew manwal imma tkun magħġuna minn snin ta’ ħidma f’dak is-settur jew qasam.
Persuna timmatura fil-kariga
Għalhekk jien ngħid li persuna timmatura fil-kariga. Tkun xi tkun dik il-kariga u titgħallem matul it-triq u ħafna drabi dejjem issir aħjar milli kont. Dejjem ikun hemm verżjoni aħjar tiegħek innifsek. Mhux importanti liema kariga tkun qed tokkupa jekk inti qed f’kariga li qed tmexxi xi entità, ħanut jew fil-qasam politiku l-pattern huwa simili. Titgħallem mill-esperjenza u issir iktar tajjeb iktar ma jgħaddi ż-żmien. L-Ingliżi jgħidu li iktar ma tipprattika iktar issir tajjeb. Hekk huwa, ħafna esperjenzi li tkun għaddejt minnhom meta tagħmel eżami ta’ fejn għamilt tajjeb u fejn stajt mort aħjar biex id-darba ta’ wara tkun tista’ tagħmlu aħjar dak li għamilt, titgħallem mat-triq u bl-esperjenza tiegħek stess.
Il-mod kif tiddeċiedi imma żgur jidħlu ħafna l-valuri u l-prinċipji tiegħek. Jkollok xi ħadd qed imexxi negozju. Il-prinċipji tiegħu x’jgħidu? Jgħidu kun ġust u agħmel il-qligħ, imma agħti valur tal-flus u servizz tajjeb. Żgur li dan sejjer jagħti servizz ħafna aħjar minn xi ħadd li l-valuri u l-prinċipji tiegħu jgħidu agħmel il-flus u l-qligħ akkost ta’ kollox u l-profitt irid ikun kbir kemm jista’ jkun. Iż-żewġ persuni huma fin-negozju u qed jiddeċiedu x’tip ta’ mġiba jridu li jkollhom u din hija bbażata fuq dak li għalihom huwa ta’ valur u importanti.
Il-kliem b’xejn…
l-azzjoni differenti
Naslu biex ngħidu li kulħadd kapaċi jieħu deċiżjoni. Iva, kulħadd kapaċi jieħu deċiżjoni. Il-biċċa xogħol hija jekk dik id-deċiżjoni li jkunu ħadu hiex l-aħjar deċiżjoni li setgħu jieħdu fiċ-ċirkostanzi. Hawn ukoll jidħol ħafna l-valuri u l-prinċipji tal-persuna li qiegħd tiddeċiedi. Skont x’valuri u prinċipji għandu dik il-persuna sejra tkun il-bażi u dak li jiddeċiedi.
Ħafna drabi hija dak li joħroġ mid-deċiżjoni li nkunu ħadna li jikxef x’tip ta’ valuri u prinċipji għandna. Għaliex fil-ħajja l-kliem b’xejn u kulħadd jista’ jitkellem u jparla kif irid jew biex l-udjenza li jkollu quddiemu dak li jkun qed jgħid jinstema’ melodija ġewwa widnejha. Imma, l-azzjoni hija differenti; hija ħaġa iktar konkreta u allura mhux biss xi ħaġa li għedt u smajtek u forsi ma naqbilx miegħek fuqha u ngħaddi.
L-azzjoni hija xi ħaġa li sejra taffettwa iktar lil dawk li sejrin jagħmlu użu minn dak li qed nipprovdi, dak il-persuna li qed tiddeċiedi. Ejja ngħidu hemm persuna tmexxi ħanut. Jista’ jitkellem fuq xiex irid u forsi ma jaffettwax lill-klijenti tiegħu llum f’soċjetà demokratika u miftuħa bħal tagħna. Imma l-valuri u l-prinċipji tiegħu sejrin jaffettwaw il-prezzijiet u prezzijiet għoljin jew irħas fejn f’wieħed il-profitt huwa kbir u l-ieħor huwa żgħir, għall-istess oġġett żgur sejrin jagħmlu differenza fuq il-klijenti tiegħu. Kemm fuq in-numru ta’ klijenti li jkunu sejrin jagħmlu użu minnu kif ukoll liema klijenti jkun jixtieq li jattira lejn in-negozju tiegħu.
L-iskejjel tal-ħsieb…
Hemm ukoll skejjel ta’ ħsieb kbar ta’ x’tip ta’ tmexxija individwu jista’ jew jixtieq li jadotta u minkejja li forsi ħadd ma jgħidlek ara ftit x’qiegħed jgħid u jagħmel u kif qiegħed iġib ruħu dak jew dik il-persuna fil-kariga u pożizzjoni ta’ tmexxija, dawn l-istudji jistgħu jgħinu biex jekk tkun tixtieq li jkollok rwol ta’ tmexxija, tkun xi tkun, għandek tħares ftit ħalli tkun tista’ tagħżel liema hija l-forma ideali li inti tkun tixtieq tadotta u l-mod li bih iġġib ruħek meta tkun f’dik il-kariga, kemm jekk tkun privata fin-negozju tal-familja, kif ukoll jekk tkun pubblika u li biha tagħti servizz lil ħaddieħor.
Żgur li jekk tkun parti mit-tmexxija ta’ servizz jew ħanut tal-familja jew xi tip ta’ post ieħor trid ikollok sistema ta’ kif tħares li dak li tixtieq tagħmel qiegħed attwalment jitwettaq. U allura l-feedback kif sejjer tieħdu? Żgur li trid titkellem ma’ min qed jagħmel użu mis-servizz jew prodott tiegħek u titkellem miegħu ħalli huma stess jgħidu kif qed jolqtuhom dak li qed jirċievu mingħandek, fejn jaraw li qed jolqtuhom tajjeb u fejn jaħsbu li jista’ jsir aħjar.
It-tagħlim minn żball
Għalhekk ngħidu li mhux importanti kemm tiżbalja sakemm minn dak l-iżball titgħallem u d-darba ta’ wara dak l-iżball ma jerġax jirrepeti ruħu. Għax jekk jirrepeti ruħu allura jew ma tkun tgħallimt xejn jew għalik ma jkunx żball, għalkemm forsi ħaddieħor jarah bħala żball. Imma jekk ikun żball u min qed fit-tmexxija dik l-imġieba ma jerġax jirrepetiha jew ibiddel l-imġieba tiegħu allura jkun tgħallem mill-iżbalji tiegħu stess u dan huwa proċess li persuna timmatura u tikber biex issir verżjoni aħjar tagħha nnifisha.
L-esperjenza hija vitali fit-tmexxija u din ma ssibha fuq l-ebda ktieb. Fuq il-kotba ssib teoriji u kif jgħid il-Malti, bejn il-kitba u l-fatti jkun hemm baħar jikkumbatti. Bejn it-teorija li xi ħadd ikun kiteb fis-sħana ta’ daru fuq xi skrivanija u l-problemi li tkun qed tiġi ffaċċjat meta jkollok tmexxi xi ħaġa hija differenza kbira.
Tajjeb li jkollok teorija u li tkun studjajt it-teorija imma dak li tkun għaddejt minnu fil-prattika, kif ġibt ruħek, x’kienu l-valuri tiegħek u kif irnexxielek issolvi dik il-problema hija waħda mill-iktar affarijiet importanti li fuqhom tista’ tiġġudika jekk dak li qiegħed imexxi għamilx xogħlu sewwa jew setax għamilha aħjar.
Sliem.

