Il-gwerra tal-Istati Uniti u l-Iżrael mal-Iran, issa daħlet fit-tieni ġimgħa tagħha. Bla dubju, aktar ma se ttul, aktar se tħalli effetti fuq l-ekonomiji dinjin, inkluż l-ekonomija ta’ pajjiżna. L-ewwel effett immedjat se jkun fuq il-prezzijiet taż-żejt u l-gass li diġà qed jitbandlu, daqqa ’l fuq u daqqa ’l isfel, fis-swieq internazzjonali.
Madanakollu f’pajjiżna, l-effetti ewlenin taż-żieda fil-prezz taż-żejt qegħdin jiġu mtaffijin mill-politika tal-Gvern li jissussidja ż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils. Il-Prim Ministru Robert Abela nnifsu ta garanzija li s-sussidju se jinżamm u se tibqa’ tkun garantita stabbiltà sħiħa fil-prezzijiet tal-enerġija.
Diġà, minn dawn il-kolonni tkellimna dwar li aħna naqblu mad-deċiżjoni li dan is-sussidju jibqa’ hemm. Dan għidnieh għax nemmnu bis-sħiħ li miżura kruċjali bħal din mhux biss tagħti serħan il-moħħ lill-familji u n-negozji iżda wkoll li l-Gvern se jibqa’ jġorr hu l-ispiża addizzjonali fil-prezz tal-enerġija b’konsegwenza tal-gwerra fil-Lvant Nofsani.
Irridu ngħidu wkoll li waqt li għaddej dan it-taqlib kollu ekonomiku u politiku internazzjonali, mhux biss se jibqa’ jingħata s-sussidju iżda wkoll hemm għexieren ta’ miljuni ta’ ewro għal li jista’ jinqala. Dan kollu turija tas-saħħa u r-reżiljenza tal-ekonomija ta’ pajjiżna li se tibqa’ tippermetti li l-pajjiż ikun ippreparat għal kull eventwalità li nistgħu niffaċċjaw għal għarrieda.
F’dan il-kuntest għalhekk nilqgħu b’sodisfazzjon dak li qal il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana, illi li jekk dan il-kunflitt kellu jeskala aktar, pajjiżna għandu €250 miljun aktar biex jilqa’ għall-konsegwenzi li jista’ jkun hemm u li jiġu fuqna minn barra. U proprju hawn fejn jispikka l-għaqal fit-tmexxija Laburista tal-kaxxa ta’ Malta. Dawn qegħdin hemm fl-istess waqt li d-defiċit – l-iżbilanċ bejn id-dħul u l-ħruġ tal-gvern – hu mistenni li se jinżel taħt it-3% tal-Prodott Gross Domestiku.
Dan jikkonferma kemm il-politika fiskali llum qed tkun indokrata bis-serjetà mill-Gvern preżenti kif ilha tkun tul dawn l-aħħar snin. Jekk xejn ukoll, il-kriżi tal-pandemija tal-Covid-19 u l-gwerra tar-Russja fl-Ukrajna komplew saħħew f’pajjiżna l-filosofija tal-politika li nerfgħu għal meta niġu bżonn, ikunu xi jkunu ċ-ċirkostanzi.
Dawn ilkoll iqawwulna qalbna illi l-finanzi ta’ pajjiżna huma fis-sod u li l-ekonomija tagħna se tibqa trendi anki fil-kuntest tat-turbulanzi ġeopolitiċi li qed naraw bħalissa u li forsi wkoll għad naraw fil-ġejjieni.

