Tuesday, January 13, 2026

“Tmexxija li bbilanċjat l-ekonomija, il-ġustizzja soċjali u l-istabbiltà f’kuntest internazzjonali diffiċli”

- Helena Dalli, eks Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza 

Aqra wkoll

SITT SNIN TA’ TMEXXIJA TA’ ROBERT ABELA BĦALA PRIM MINISTRU

“Minn mindu ħa t-tmexxija tal-pajjiż fl-2020, Robert Abela mexxa lil Malta f’perjodu partikolarment diffiċli mmarkat minn kriżijiet globali, bidliet soċjali u sfidi ekonomiċi qawwija. F’dawn is-sitt snin, il-Gvern nieda numru ta’ miżuri u riformi li għal ħafna ċittadini ħallew impatt pożittiv u konkret fuq il-kwalità tal-ħajja.

Waħda mill-akbar provi għat-tmexxija ta’ Robert Abela kienet bla dubju l-pandemija tal-COVID-19. F’mument ta’ inċertezza u biża’ l-Gvern ħa deċiżjonijiet biex jipproteġi s-saħħa tal-poplu u jżomm l-ekonomija miexja. L-introduzzjoni ta’ skemi ta’ għajnuna finanzjarja għall-ħaddiema u n-negozji, flimkien ma’ investiment qawwi fis-servizzi tas-saħħa, wasslu biex Malta tkun fost il-pajjiżi li rkupraw l-aktar malajr mill-kriżi pandemika.

Stabbiltà, protezzjoni, ġustizzja soċjali u drittijiet ċivili

Fil-qasam ekonomiku l-Gvern ta’ Abela kompla jattira investiment barrani, u żamm livell  għoli ta’ stabbiltà ekonomika anke f’mumenti diffiċli globalment.  

It-tmexxijja ta’ Robert Abela  għamlet enfasi fuq il-protezzjoni tal-familji u n-negozji. Deċiżjoni kruċjali kienet li l-prezzijiet tal-enerġija ikomplu jinżammu stabbli minkejja l-kriżi internazzjonali. Din il-politika għenet biex titnaqqas il-pressjoni fuq in-negozji u fuq il-baġit tal-familji Maltin.

Aspett ieħor importanti tat-tmexxija ta’ Robert Abela kien l-impenn lejn il-ġustizzja soċjali. F’dawn is-snin, komplew jiżdiedu l-pagi u l-pensjonijiet filwaqt li ġew introdotti u msaħħa benefiċċji soċjali mmirati lejn l-aktar vulnerabbli. Barra minnhekk, il-Gvern kompla jsaħħaħ id-drittijiet ċivili u l-ugwaljanza u Malta żammet ir-reputazzjoni tagħha bħala waħda mill-aktar pajjiżi progressivi f’dan il-qasam.

B’mod ġenerali, is-sitt snin ta’ Robert Abela bħala Prim Ministru kienu kkaratterizzati minn tmexxija li ibbilanċjat l-ekonomija, il-ġustizzja soċjali u l-istabbiltà f’kuntest internazzjonali diffiċli.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport