Saturday, December 14, 2024

Tmiem “diżappuntati” tas-Summit COP27 minkejja ftehim “modest”

Tensjoni bejn il-mexxejja minħabba l-fjuwils fossili u l-possibbiltà li jitwaqqfu

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Is-summit COP27 imtella’ f’Sharm El-Sheikh fl-Eġittu ġie fi tmiemu hekk kif rappreżentanti minn madwar id-dinja ffinalizzaw ftehim modest li għandu jgħin fil-kontroll taż-żieda fit-temperatura globali u biex ikun hemm fond apposta li minnu jitħallsu spejjeż relatati ma’ din iż-żieda fit-temperatura.

F’dawn in-negozjati tant mistennija, però, inħasset tensjoni bejn il-pajjiżi sinjuri li saħħu l-ekonomiji tagħhom grazzi għall-użu tal-fjuwils fossili u dawk li għadhom qegħdin jiżviluppaw li min-naħa tagħhom qegħdin isofru “intortament”, il-konsegwenzi tad-diżastru fil-klima li dan l-użu kellu fuq il-pjaneta tagħna.

Minkejja n-nuqqas ta’ qbil, però, il-pajjiżi fuq il-mejda tad-diskussjoni qablu li jwaqqfu fond apposta li bih tingħata għajnuna lill-pajjiżi fqar li huma l-aktar milquta mill-impatt fuq il-klima. Dan il-fond huwa meqjus bħala pass ‘il quddiem ħafna, pjuttost storiku, fil-ħidma li għaddejja bħalissa favur l-ambjent.

In-negozjati f’dan is-summit kellhom jitwalu b’jumejn wara li l-pajjiżi kienu għadhom ma waslux għal ftehim fuq pjan li bih tonqos id-dipendenza globali fuq il-fjuwils fossili u lanqas fuq l-għajnuna li għandha tingħata lill-pajjiżi vulnerabbli li qegħdin ibatu mill-ħsara kkawżata fosthom minħabba żieda fil-livell tal-baħar, maltemp, nixfa, mewġ ta’ sħana u diżastri ambjentali oħra kkawżati mill-bidla fil-klima.

Mhuwiex ċar jekk il-mira ta’ 1.5 gradi Celcius hiex se tintlaħaq

Il-ftehim finali tħabbar dalgħodu fl-Eġittu fejn ġiet imġedda l-mira stabbilita mill-ftehim li kien sar fl-2015 f’Pariġi biex it-temperatura globali ma tkomplix tiżdied aktar minn 1.5 gradi Celcius bħalma kienet qiegħda tiżdied qabel l-era industrijali fis-snin tal-1800. 

Minkejja dan, għadu mhuwiex ċar jekk din il-mira hijiex se tintlaħaq minħabba li n-negozjaturi ma setgħux jiftehmu kif se jieqaf l-użu tal-fjuwils fossili. Il-maġġoranza assoluta tat-tniġġis li qiegħed jikkawża bidla fil-klima ġej mill-użu li nagħmlu taż-żejt, tal-gass u tal-faħam. Rigward dan, ix-xjenzati wissew li jekk verament irridu nikkontrollaw iż-żieda fit-temperatura globali, hemm bżonn li l-bqija ta’ dawn ir-riżorsi naturali li għadhom depożitati, ma jintmissux.

F’dan is-summit il-mexxejja dinjin ma waslux għal ftehim kif se jnaqqsu sakemm jeliminaw, l-użu ta’ fjuwils fossili. Dan minkejja li ħafna pajjiżi fil-bidu kellhom tama qawwija li l-mira ta’ 1.5 gradi tibqa’ fis-seħħ. Fil-verità, huwa pproġettat għall-aħħar tas-seklu, id-dinja tesperjenza żieda doppja minn din il-mira. Jekk dan isseħħ, globalment se jkun hemm maltemp, mewġ tas-sħana u impatti ambjentali oħra ferm aktar gravi milli diġà qegħdin nesperjenzaw.

“Se jsiru sforzi”

Fit-taħditiet tas-COP27 huwa rrapportat li grupp ta’ pajjiżi għaqdu l-forzi u talbu biex effettivament maż-żmien jieqaf l-użu ta’ dawn ir-riżorsi naturali. Gżejjer żgħar ingħaqdu ma’ pajjiżi tal-Unjoni Ewropea biex ukoll jingħaqdu f’din il-kawża ambjentali. Barra minnhekk, b’sorpriża qablet anke l-Indja li fl-aħħar taħdidiet fi Glasgow tas-sena l-oħra, kienet ta’ opinjoni differenti. 

Id-delegazzjoni Eġizzjana, li rnexxielha tikseb id-dritt li ttella’ din il-konfeerenza tant importanti, min-naħa tagħha ma niżlitx fil-ftehim finali li maż-żmien għandu jieqaf l-użu tal-fjuwils fossili. Minflok, fil-ftehim finali tiniżżel biss li “se jsiru sforzi lejn it-tnaqqis gradwali tal-enerġija tal-faħam u t-tneħħija gradwali ta’ sussidji ineffiċjenti għall-fjuwils fossili”.

Ekonomija

Sport