Friday, November 15, 2024

TMIEM MHUX ESKALAZZJONI

Aqra wkoll

Proprju fl-aħħar jiem, rajna żvilupp ġdid fil-kunflitt fl-Ukrajna. Rajna eskalazzjoni. Attakki bi drones milll-Ukrajna f’territorju Russu. Dan ma setax jonqos li jwassal għal ritaljazzjoni qawwija mir-Russi b’bumbardament bil-missili fuq infrastruttura Ukrena. Kien rappurtat li ġew sparati xejn inqas minn 70 missila M’hemmx dubju li din timmarka żieda fil-kunflitt.  Kull tentattiv anke minn Nazzjonijiet Uniti biex tinstab il-paċi ma ħallex ir-riżultati mixtieqa.

F’din il-gwerra, għal darba oħra qegħdin naraw it-tbatija umana. Ċittadini innoċenti spiċċaw qegħdin iħallsu l-prezz għal dan il-kunflitt. Hu kkalkulat li bejn 10,000 u 13,000 suldat Ukren tilfu ħajjithom. Mal-15-il miljun persuna fl-Ukrajna spiċċaw kellhom jitilqu minn fejn kienu jgħixu u jfittxu kenn f’pajjiżi fil-qrib, f’żoni oħra fl-Ukrajna jew f’pajjiiżi barranin. Hu kkalkulat li madwar 40,000 persuna ċivili fl-Ukrajna inqatlu f’dan il-kunflitt. Fuq in-naħa Russa hu kkalkulat li l-imwiet ta’ suldati Russi jammontaw għal 90,000 persuna. Dan hu ammont kontestat għax hemm kalkoli li qegħdin jgħidu li l-imwiet huma saħansitra akbar.

Mindu bdiet l-invażjoni Russa fi Frar ta’ din is-sena, fi żmien qasir l-effett ta’ din il-gwerra inħass mad-dinja kollha.  Gwerra li kollox jindika li n-naħa Russa kienet qed taħseb li se tkun qed ittemmha fi żmien qasir. Ġara iżda li l-għajnuna li bdiet tirċievi mill-Istati Uniti, għenu ħafna fir-reżistenza mill-Ukreni. Għall-ewwel darba fl-istorja qegħdin naraw ukoll l-Unjoni Ewropea tissupplixxi armi u għajnuniet oħra lil pajjiż li jkun fi gwerra. Filfatt fil-bidu tal-kunflitt rajna kif ir-Russi kienu avvanzaw sew f’għadd ta’ żoni, iżda aktar ma beda jgħaddi żmien aktar bdew isibu reżistenza.  F’Awwissu, it-truppi Ukreni ħadu lura żoni sħaħ fir-reġjun ta’ Kharkiv. Meta intilfet Kherson mir-Russi, il-gwerra kienet karatterizzata minn attakki ma jaqtgħu xejn mir-Russi fuq infrastruttura importanti bħal dik tal-enerġija, l-ilma, il-kommunikazzjoni, fabbriki u t-toroq. Illum hemm żoni sħaħ fl-Ukrajna li m’għandhomx elettriku. Dan kollu qed ikun investigat minn istituzzjonijiet internazzjonali mnħabba l-possibilità ta’ krimini kontra l-umanità.

Quddiem dak li għaddej tqum il-mistoqsija, kemm verament saru tentattivi b’saħħithom biex tinstab il-paċi. Ma nistgħux ma nistaqsux fejn hi n-Nazzjonijiet Uniti?  X’qed isir verament biex għallinqas isir djalogu bejn iż-żewġ naħat? 

L-ewwel pass għandu jkun waqfien mill-ġlied. M’hemmx dubju li sakemm l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea se jibqgħu jarmaw lir-reżistenza Ukrena, se nibqgħu naraw attakki mdemmija minn naħa u minn oħra.   Attakki li minnhom mhu jbati ħadd għajr iċ-ċittadini Ukreni. Iħassbek tisma’ bl-ammont ta’ flus li ntefqu f’armi. L-għajnuna mill-Istati Uniti lejn l-Ukrajna ammontat għal $68 biljun u dan l-għajnuna mistennija tiżdied b’$37 biljun ieħor. L-Unjoni Ewropea tat €19.7 biljun u hemm plan addizzjonali għas-sena 2023 ta’ €18-il biljun.

Nemmnu li għandu jsir dak kollu possibbli inkluż il-pressjoni li hemm bżonn biex iż-żewġ naħat jersqu lejn xulxin. Jiddjalogaw u jtemmu dan il-kunflitt. Kunflitt li l-effett negattiv tiegħu qed jinħass madwar id-dinja kollha. 

Nemmnu li kemm l-Istati Uniti kif ukoll l-Unjoni Ewropea jistgħu jagħmlu ħafna aktar biex jissaħħu l-isforzi ta’ paċi. Sa issa dejjem deher li l-isforzi kienu dgħajfin wisq li fallew wara ftit. Illum għandna sitwazzjoni, u din qed tidher biċ-ċar li rebħa militari kemm minn naħa kif ukoll minn oħra aktarx li mhix possibbli għallinqas fil-futur qrib.

Nemmnu li kemm ir-Russja u kemm l-Ukrajna iridu jirrikonoxxu dan.  Quddiem dan, iż-żewġ pajjiżi iridu juru l-impenn ġenwin, li jduru għal mezzi oħra ta’ kif jintemm il-kunflitt. Kemm naħa u kemm oħra għandhom jaraw li jwaqqfu l-interferenzi minn pajjiżi barranin. Nemmnu li l-Istati Uniti u anke l-Unjoni Ewropea m’għandhomx bir bla qiegħ f’dik li għajnuna għall-Ukrajna. Mill-banda l-oħra, il-wegħdiet ta’ aktar għajnuna militari, jistgħu jkunu ta’ disinċentiv biex finalment l-Ukrajna tagħmel pjan reali b’bażi li fuqu jista’ jintlaħaq ftehim. 

Nemmnu li kemm ir-Russja u kemm l-Ukrajna, jekk iridu jwaqqfu l-kunflitt, li jridu jagħmlu hu li jirritornaw fit-triq tad-diplomazija. Triq li ma tistax tmur fiha jekk jibqa’ jkun hemm min jibqa’ jitfa’ l-ħatab fin-nar b’dikjarazzjoni bħal ‘waqfien mill-ġlied hu tmiem tal-Ukrajna’. Dikjarazzjonijiet simili ma jagħmlu xejn għajr li jtawwlu l-kunflitt. Huma l-Ukrajna u r-Russa waħidhom li jista’ jwasslu l-kunflitt fi tmiemu.

Ekonomija

Sport