Saturday, October 26, 2024

Tmien immigranti jipprovaw jaħarbu minn Malta b’passaporti foloz jew moħbija taħt kontejners

Aqra wkoll

Tmien immigranti tressqu l-Qorti wara li pprovaw jitilqu minn Malta b’passaporti foloz jew inkella moħbija taħt kontejners. 

Wieħed mill-immigranti, Adel Brima ta’ 23 sena mis-Sudan, inqabad fil-fatt jipprova jistaħba f’kontejner abbord vapur tal-kumpanija Grimaldi li jivvjaġġa bejn Malta u Sqallija.

Brima, li ma kellu l-ebda dokumenti fuqu, irriżulta li kien daħal f’pajjiżna din is-sena stess. Huwa wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u ntbagħat disa’ xhur ħabs.

Tliet immigranti oħra mis-Sudan – Hassabou Abdelkarim Mohamed ta’ 30 sena, Yagoub Jamal ta’ 19-il sena u Walid Omar Jakob ta’ 24 sena – ammettew li pprovaw jivvjaġġaw b’dokumenti ta’ ħaddieħor u kienu kkundannati seba’ xhur ħabs kull wieħed. 

Warajhom tressaq Sudaniż ieħor – Mohamed Arem Mohamed ta’ 23 sena – li ammetta li għamel użu minn passaport li ma kienx tiegħu u li kien riċediv u kien ikkundannat sena priġunerija. Somalu minuri wkoll wieġeb ħati għal akkużi simili u ngħata piena ta’ sitt xhur ħabs sospiżi għal sena u nofs.

Żewġ immigranti oħra – Daniel Agu ta’ 31 sena min-Niġerja u Emanuel Laku ta’ 23 sena mis-Sudan – kienu kkundannati disa’ xhur ħabs kull wieħed wara li rnexxielhom jaħarbu mill-pajjiż moħbija taħt kontejner iżda nqabdu fil-vjaġġ u reġgħu nġiebu lura Malta.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Frankie Sammut filwaqt li għall-immigranti dehret l-Avukat tal-għajnuna legali Charmaine Cherrett. 

Sport