Friday, December 27, 2024

Tmien magni kbar oħra mill-BCRS fix-xhur li ġejjin  

F’ħames xhur inġabru aktar minn 60 miljun kontenitur tax-xorb

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Minħabba ż-żieda fil-konsum mistennija għal matul is-sajf, il-kumpanija BCRS ħabbret investiment ta’ €2.5 miljun f’10 magni kbar ġodda li kapaċi jieħdu l-kontenituri tal-plastik f’daqqa. Chetcuti żied jgħid li l-kumpanija se tkun qiegħda tħaddem persuni speċjalizzati biex jiggwidaw lill-konsumaturi fl-użu ta’ dawn il-magni l-kbar li se jkunu qegħdin joperaw bejn is-6:00 a.m u l-10:00 p.m.

Wara biss ħames xhur fl-operat BCRS qiegħda tikkonferma li ġabret aktar minn 60 miljun kontenitur tax-xorb u li dan wassal biex ġew riċiklati mal-2,581 tunnellata ta’ plastik, ħġieġ u metall li ġew esportati. Dwar dan Chetcuti qal li fil-preżent il-kumpanija qiegħda tiġbor mal-500,000 kontenitur tax-xorb kuljum u qies dan l-ammont bħala xi ħaġa notevoli meta tikkumpara dan l-ammont mad-daqs tal-gżira u li din hija xi ħaġa li għandha tagħmilna kburin. 

Qabża kbira fl-ammont ta’ kontenituri tax-xorb riċiklati

“Storikament pajjiżna kien jirriċikla 20 fil-mija tal-kontenituri tax-xorb u bħalissa pajjiżna qiegħed jirriċikla madwar 70 fil-mija ta’ dawn il-kontenituri u dan juri qabża kbira ’l quddiem”, żied jgħid Chetcuti.

Il-magni se jiżdiedu għal total ta’ 348

Fix-xhur li ġejjin BCRS se tkun qiegħda tinstalla 28 magna ġdida fosthom dawn l-10 magni msemmija qabel. Permezz ta’ din iż-żieda l-magni mxerrdin ma’ Malta u Għawdex se jkunu qegħdin jitilgħu għal total ta’ 348. Minħabba l-fatt li dawn il-magni ta’ daqs JUMBO se jkunu qegħdin jaċċettaw biss kontenituri tal-plastik, biswit tagħhom se jkunu qegħdin jiżdiedu magni oħra li jaħdmu 24 kuljum sabiex dak li jkun ikun jista’ jiddisponi mill-bqija tal-kontenituri tal-ħġieġ u tal-metall.

It-tmien magni l-kbar l-oħra se jkunu qegħdin ikomplu jiżdiedu mill-aħħar ta’ dan ix-xahar stess. Sadanittant il-kumpanija għaddejja bil-proċessi neċessarji biex tikseb il-permessi tagħhom.

Il-BCRS temmet tappella lill-pubbliku li jkun se jmur jiddepożita aktar minn erba’ boroż f’daqqa biex jagħmel dan fil-ħinijiet li lanqas li jkun hemm persuni jew inkella jużaw il-magni l-kbar biex jevitaw li jkun hemm ċertu stennija li twassal għal ineffiċjenzi bla bżonn.

Ekonomija

Sport