Tmien minorenni tressqu l-Qorti fejn ammettew li taw xebgħa lil żagħżugħ ħdejn it-Torri l-Aħmar għax huwa gay. Erba’ mill-imputati huma Maltin mentri l-erbgħa l-oħra huma ta’ nazzjonalità barranija, bl-età tagħhom tvarja bejn il-15 u s-17-il sena. Huma kienu mixlija li fl-10 ta’ Marzu li għadda, għallħabta tat-8.30 p.m., ħebbew għal żagħżugħ fl-inħawi tal-Għadira fejn hemm it-Torri lAħmar.
L-akkuża ta’ vjolenza kienet tinkludi wkoll l-aggravju li dak li seħħ ġara minħabba diskriminazzjoni razzjali jew abbażi ta’ orjentazzjoni sesswali, oriġini etnika, lingwa, nisel, età jew sess. Fil-Qorti ntqal li l-allegat vittma kien ġie attirat fuq il-post permezz ta’ dating app u kien mingħalih li se jiltaqa’ ma’ xi ħadd għal date.
Madankollu, fuq il-post daru għalih l-imputati u waqt li ħebbew għalih ħadulu l-mobile qabel ma rikbu l-karozza tal-linja. Il-Prosekuzzjoni qalet li l-imputati kienu rintraċċati permezz tal-app ta’ Tal-Linja. Huma tressqu quddiem ilMaġistrat Rachel Montebello fejn wieġbu ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom.
Huma ngħataw il-libertà proviżorja taħt diversi kundizzjonijiet fosthom li jagħmlu tajjeb b’garanzija ta’ €8,000 u li ma jagħmlux kuntatt malvittma. Huma kienu ordnati jiffirmaw l-għassa tliet darbiet fil-ġimgħa. Qabel tagħti s-sentenza, il-Maġistrat Montebello se tikkunsidra r-rapport soċjali dwar il-minorenni minħabba l-età tagħhom.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Mauro Abela mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Lydon Zammit u Stephen Gulia.