Mill-inqas 8 persuni mietu wara li l-ballun tal-arja li kienu fuqu ħa n-nar. L-inċident seħħ fil-belt ta’ Praia Grande fil-Brażil.
Il-Gvernatur tal-belt qal li fuq il-ballun tal-arja kien hemm 21 persuna. Skont l-ewwel informazzjoni li ġiet irraportata fil-midja internazzjonali 13-il persuna fosthom il-pilota salvaw u ttieħdu l-isptar minħabba ġrieħi li sofrew.
L-Aġenzija Nazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili fil-Brażil qalet li kienet fetħet investigazzjoni biex jiġi stabbilit x’wassal għal dan l-inċident.
“Skont il-pilota li salva f’dan l-inċident, in-nar bdew mill-basket tal-ballun tal-arja. Qal li hu mill-ewwel beda jniżżel il-ballun lura lejn l-art u hekk kif wasal qrib sew l-art qal lin-nies abbord biex jaqbżu,” qal Tiago Luiz Lemos uffiċjal tal-Pulizija ta’ Praia Grande waqt li kien qiegħed jitkellem mal-midja.
Hu kompla jgħid li 13-il persuna rnexxilhom jaqbżu, iżda xi wħud ma rnexxilhom jew ma laħqux sakemm l-istess ballun tal-arja spiċċa ħuġġieġa nar. Lemos qal li minħabba li l-piż u n-nar l-istess ballun tal-arja reġa’ beda tiela’ ‘l fuq.
Il-vittmi huma żewġ koppji, omm u bint u professur tal-għajnejn fost l-oħrajn.
Sobrevoar Serviços Turísticos, il-kumpanija li topera l-vjaġġi tal-blalen tal-arja fil-Brażil qalet li kienet qiegħda tissuspendi l-vjaġġi kollha b’mod indefenit.
Il-kumpanija qalet li l-pilota għandu esperjenza kbira fdan ix-xogħol u għad irid jiġi stabbilit x’wassal biex seħħ dan l-inċident.