Thursday, December 26, 2024

Tmien rapporti ekonomiċi pożittivi f’għaxar xhur

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Minn Victor Vella

Fl-għaxar xhur li pajjiżna ilu għaddej jiffaċċja l-pandemija, saru xejn inqas minn tmien rapporti ekonomiċi  minn aġenziji ta’ kreditu internazzjonali, liema rapporti kienu kollha pożittivi. Ilbieraħ kienet l-aġenzija internazzjonali ta’ kreditu  DBRS li ikkonfermat ir-rating ta’ pajjiżna fil-livell ta’ A (high) bi prospetti stabbli.   Dan ifisser li pajjiżna baqa’ jgawdi l-aħjar rating li qatt ingħata minn din l-aġenzija.

Jekk nagħtu ħarsa lejn x’ġara minn April ‘l hawn, mindu pajjiżna kien għaddej minn miżuri drastiċi biex jikkontrolla l-Covid19, naraw li kienu nħarġu tliet rapporti minn Fitch, ieħor minn Moody’s, tnejn DBRS, wieħed minn Credit Reform u ieħor minn Standards and Poor’s. 

Jekk nieħdu ir-rapporti li nħarġu f’April li għadda minn Fitch u Moody’s naraw li dak inhar dawn kienu ikkonfermaw stabbiltà fl-ekonomija Maltija minkejja l-impatt ekonomiku negattiv tal-pandemija li kien qed jolqot lid-dinja kollha. F’Lulju tas-sena li għaddiet,  l-aġenzija tal-kreditu internazzjonali Fitch ikkonfermat ir-rating ta’ A+ bi prospetti stabbli. F’Lulju ukoll DBRS, kklassifikat l-ekonomija ta’ pajjiżna fil-livell A high. Dan kien sar b’kuntrast ma’ pajjiżna oħra, li l-aġenzija kienet rrevediet għal negattiv l-outlook tar-rating tagħhom. Il-pajjiżi kienu Franza, l-Italja u r-Renju Unit.

F’Settembru, kienet Standard and Poor’s li ikklassifikat l-ekonomika b’A- bi prospetti stabbli għal Malta. Hi kienet ikkonfermat u rrikonoxxiet l-appoġġ bla preċendent tal-Gvern Malti biex jipprevjeni ħsara strutturali lill-ekonomija filwaqt li kompliet tonqos ir-rata tal-qgħad fid-dawl tal-imxija.  

F’Novembru imbagħad l-aġenzija internazzjonali ta’ kreditu, Creditreform Rating, affermat mill-ġdid ir-rating A+ ta’ pajjiżna, u kkonfermat li l-prospetti ta’ dan ir-rating huma stabbli. F’rapport li ħarġet din l-aġenzija Ġermaniża iddikjaraw li fl-aħħar snin pajjiżna kellu rekord ta’ tkabbir ekonomiku li huwa ferm akbar minn dak fiż-Żona Ewro.

F’Diċembru imbagħad, Fitch reġgħet tat-ċertifikat eċċellenti tal-ekonomija ta’ Malta billi kkonfermat ir-rating ta’ pajjiżna bħala A+ bi prospetti stabbli. Kienu sostnew li l-prodott domestiku gross ta’ pajjiżna, jiġifieri l-ekonomija, mistennija tikber fl-2021 u fl-2022.

Fl-aħħar sigħat rapportminn DBRS

F’rapport dettaljat, l-esperti tad-DBRS innutaw bosta aspetti ta’ pajjiżna.

DBRS kkummentat b’mod pożittiv ħafna dwar ir-riformi fl-2020 favur it-tisħiħ tas-saltna tad-dritt u l-ġlieda tal-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna kontra l-kriminalità finanzjarja.

Id-DBRS saħqet li l-Gvern mexxa ‘il quddiem sforzi biex is-saltna tad-dritt f’Malta tissaħħaħ.

DBRS innutat li s-settur tax-xogħol f’pajjiżna felaħ sew għad-daqqa kbira tal-pandemija u semmiet ir-rata baxxa ta’ qgħad ta’ 3.9% f’Ottubru li għadda, li hija relattivament simili għar-rata ta’ qgħad li pajjiżna kellu qabel faqqgħet il-pandemija.

Intqal kif l-iskema t’għajnuna tal-Gvern, tal-Covid Wage Supplement, kellha rwol importanti fil-ħidma biex jiġu salvati l-impjiegi.

L-esperti tad-DBRS semmew ukoll miżuri importanti tal-Budget għal din is-sena u hawnhekk jerġgħu jsemmu l-Covid Wage Supplement, li l-Gvern estenda sa Marzu u l-ħruġ mill-ġdid tal-vouchers biex ikompli jsaħħaħ id-domanda domestika u jgħin lin-negozji Maltin u Għawdxin.

Dan apparti numru ta’ miżuri soċjali li jammontaw għal 2.2% tal-prodott domestiku ta’ pajjiżna, fosthom żieda oħra fil-pensjonijiet, iċ-children’s allowance u anki titjib fl-in-work benefit.

Hawnhekk issemmew is-surplus wara l-ieħor li kien irreġistra pajjiżna fl-aħħar snin u kif sewa ħafna biex pajjiżna kellu fejn jimmanuvra u jilqa’ għad-daqqiet bla preċedent li ġabet il-pandemija tal-Covid-19.

Il-Ministeru tal-Finanzi sodisfatt

Intant il-Ministeru tal-Finanzi, f’komunikat qal li l-agenzija DBRS  ikkonfermat ir-rating ta’ pajjiżna bħala A (high) bi prospetti stabbli. Fl-analiżi tagħhom l-esperti barranin isostnu li minkejja l-impatt tal-COVID-19 fuq l-ekonomija lokali, kif ukoll ir-rintroduzzjoni ta’ restizzjonijiet qawwija madwar l-Ewropa u għaldaqstant l-impatt fuq d-domanda esterna, il-prospetti għal pajjiżna ma marrux għall-agħar. 

Saħaq li raġuni ewlenija kien l-intervent tal-Gvern, liema ntervent huwa sostennibli minħabba l-fatt li pajjiżna ntlaqat mill-pandemija wara ‘perjodu tajjeb ta’ tkabbir ekonomiku u finanzjaju”. Dan ipprovda riżorsi finanzjarji li l-Gvern seta’ juża biex jilqa’ għall-impatt tal-pandemija.

Ir-rapport tad-DBRS jinnota kif is-suq tax-xogħol f’pajjiżna wera reżiljenza kbira, tant li r-rata ta’ qgħad baqgħet “fl-istess livell li kienet qabel il-pandemija”. F’dan il-kuntest jintqal li l-iskema tas-suppliment tal-pagi kellha rwol importanti ferm għal dan ir-riżultat.

Element importanti ieħor kienet id-diversifikazzjoni tal-ekonomija Maltija. Skont l-esperti tad-DBRS dan joħroġ mill-fatt li mentri setturi dipendenti fuq it-turiżmu raw daqqa qawwija, setturi oħra “bħal dak tal-informazzjoni u kommunikazzjoni, l-arti u d-divertiment u dak finanzjarju u tal-assigurazzjoni komplew jikbru f’dan il-perjodu”..

Fir-rigward tal-finanzi pubbliċi, r-rapport tad-DBRS jikkonferma kemm l-istituzzjonijiet internazzjonali jafdaw fi tmexxija għaqlija ta’ fondi pubbliċi. Filfatt ir-rapport issemmi “l-prudenza fiskali li imxiet biha Malta fl-aħħar snin”  kif ukoll “it-tmexxija prudenti tad-dħul finanzjarju”. Filwaqt li jirrimarka fuq il-kobor tal-impenn fiskali tal-Gvern Malti, jingħad ukoll li r-rata tad-dejn pubbliku hija moderata, u dan wassal biex l-għajnuna li qed jagħti l-Gvern qed tingħata  ‘mingħajr ma tiġi mittiefsa is-sostennibilità tad-dejn”.

Fl-aħħarnett l-esperti barranin jirrikonoxxu l-istabilità tas-settur finanzjarju f’pajjiżna li baqa’ reżiljenti għall-impatt tal-pandemija.  Barra minn hekk ir-rapport jgħid li  “l-awtoritajiet Maltin implimentaw għadd ta’ riformi ambizzjużi li qed isaħħu ir-riżorsi umani u finanzjarji tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji.  Dan wassal għal aktar spezzjonijiet u infurzar matul is-sena”. Dan filwaqt li laqgħu r-riformi leġislativi mwettqa mill-amministrazzjoni l-ġdida.  

Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana innota b’sodisfazzjon l-konferma tal-klassifikazzjoni A (high) ta’ pajjiżna u kif ukoll l-konferma li l-gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela injetta impetu ġdid għar-riformi finanzjarji u ġudizzjarji li qed jitwettqu f’pajjżna. Il-Ministru Caruana qal li l-Gvern se jkompli jimplimenta l-bidliet meħtieġa biex isaħħaħ l-oqsma finanzjarji u ekonomiċi ta’ pajjiżna u se ikompli jibni fuq ir-riformi ġudizzjarji li diġà nbdew.

Ekonomija

Sport