Raġel ta’ 34 sena miż-Żurrieq kien ikkundannat tmien xhur ħabs wara li nstab ħati li f’daru ta daqqiet ta’ ponn lis-sieħba tiegħu.
Sylvester Grech kien mixli mill-Ispettur Roderick Attard li fis-6 ta’ Jannar 2019, għall-ħabta tal-11.00 p.m., ikkaġuna lis-sieħba tiegħu ferita ħafifa u li beżżagħha.
Quddiem il-Maġistrat Joseph Mifsud hija xehdet li kienet id-dar issajjar u qaltlu li ma sabitx ġiżirana.
Meta bdiet twaħħal fih li ħadilha huwa beda jagħtiha bil-ponn bil-ġlieda ddum madwar tliet kwarti.
Il-mara qalet li ippruvat tieħu sikkina mill-kċina biex tbeżżgħu mbagħad telqitha fuq il-mejda.
Skont hi meta ġew il-pulizija ma staqsewhix fuq id-daqqiet imma għax kienu qed jagħmlu l-istorbju.
Hija żiedet li dan ma kienx l-ewwel inċident bejniethom, ippreżentat ‘voice clips’ bit-theddid u allegat li anke ħarqilha wiċċha b’sigarett.
Min-naħa tiegħu Grech sostna li wara li ċaħad li ħadilha l-ġiżirana daħal fil-kamra tas-sodda u raha ġejja b’sikkina għalih.
Huwa qabadha minn idha u hija telqet is-sikkina mbagħad f’ħin minnhom spiċċaw fuq xulxin u hija daħlitlu żewġt idwiefer taħt għajnejh.
Grech żied li huwa ħareġ mid-dar biex l-affarijiet jikkalmaw u x’ħin daħal sab il-pulizija.
Wara li sema l-provi l-Maġistrat Mifsud iddikjara li waqt li rriżulta li huwa ħebb għaliha fiżikament ma rriżultax li heddidha fuq it-telefons ċellulari għax ma nġibietx prova f’dan ir-rigward.
Meta ġie biex jagħti l-piena huwa irrimarka li r-relazzjonijiet jibdew u jispiċċaw u għalkemm idealment ikunu mibnija fuq is-sod u mhux fuq ir-ramel qatt m’hu permess li naħa f’relazzjoni ssofri ġrieħi.
“Il-Qrati ma jistgħux jibqgħu ċassi għal dawn l-abbużi u għandhom joffru protezzjoni lill-vittmi u jintbagħat sinjal ċar li atti bħal dawn f’soċjetà mibnija fuq is-saltna tad-dritt m’humiex aċċettabbli”.
Kien f’dan il-kuntest li huwa ikkundanna lil Grech għal tmien xhur ħabs u ħareġ ordni ta’ protezzjoni favur il-mara għal ħames snin.