Sunday, December 22, 2024

Tmien xhur ħabs wara li nqabad bid-droga fil-Marsa

Aqra wkoll

Sudaniż ta’ 25 sena residenti Ħal Qormi ġie kkundannat tmien xhur ħabs wara li nstab fil-pussess tad-droga kannabis fil-Marsa.

Yassin Kharachi tressaq il-Qorti mixli li kien fil-pussess tal-kannabis f’ċirkostanzi li juru li d-droga ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu.

Huwa kien mixli wkoll li wettaq dawn ir-reati f’inqas minn mitt metru minn skola, klabb jew post fejn jiltaqgħu ż-żgħażagħ.

Il-Prosekuzzjoni spjegat li l-Pulizija kienet ilha diversi ġimgħat tirċievi informazzjoni li fi Triq Balbi fil-Marsa seta’ kien qed isir traffikar ta’ droga f’dawk l-akwati.

Għaldaqstant, bdew isiru rondi aktar iffokati f’din iż-żona u l-Ġimgħa, xi pulizija nnotaw lill-imputat bi flixkun tal-birra f’idejh. Hu twaqqaf minħabba li dan huwa illegali fil-Marsa (permezz ta’ by-law) u nnotaw ukoll li kien qed jaġixxi b’mod suspettuż.

Ir-raġel ġie mfittex u fuqu nstabu disa’ pakketti kannabis ta’ madwar 8 grammi u pakkett ieħor ta’ droga sintetika ta’ madwar 0.7 grammi. Fuqu nstabu wkoll madwar €1,000 fi flus kontanti.

Hu ġie arrestat u minn tfittxija li saret fir-residenza fejn kien joqgħod insabet aktar droga.

L-imputat ammetta l-akkużi miġjuba kontrih, bil-Qorti tikkundanna lil Kharachi għal tmien xhur ħabs filwaqt li ordnat biex tinqered id-droga misjuba fil-pussess tal-ħati.

L-Ispettur Mark Cremona mexxa l-Prosekuzzjoni. L-avukat tal-għajnuna legali Brandon Kirk Muscat deher għall-imputat.

Ekonomija

Sport