Saturday, December 14, 2024

Tmint itfal u uffiċjal tas-sigurtà maqtula fi sparatura fi skola fis-Serbja

Aqra wkoll

Tifel ta’ 14-il sena ġie arrestat b’rabta ma’ attakk li seħħ iktar kmieni llum fl-iskola Vladislav Ribnikar fiċ-ċentru ta’ Belgrad li fih inqatlu uffiċjal tas-sigurtà u tmien studenti fl-istess klassi. Sitt itfal żgħar oħra u l-għalliem tagħhom tal-istorja ttieħdu fi sptarijiet differenti għall-kura tal-feriti li ġarrbu f’dan il-massakru. Huwa allegat li biex wettaq dan l-attakk, it-tifel uża l-arma tan-nar ta’ missieru.

Dan l-attakk fatali fi skola xxokkja lil ħafna nies u huwa l-ewwel wieħed li qatt seħħ fis-Serbja u fir-reġjun tal-Balkani. Fil-fatt, fl-investigazzjoni tagħha, il-Pulizija qed tipprova tistabbilixxi l-mottiv wara dan l-attakk.

Dan il-każ seħħ għall-ħabta tat-tmienja ta’ filgħodu fejn ingħad li t-tfajjel aggressur daħal fil-klassi u l-ewwel spara fuq għalliem tal-istorja u wara dawwar l-arma u spara fuq sħabu l-istudenti fl-istess klassi. Aktar qabel huwa allegatament spara fuq uffiċjal tas-sigurtà li pprova jwaqqfu milli jidħol fl-iskola.

Ilu żmien ikun hemm dibattitu dwar jekk l-armi tan-nar għand in-nies fil-Balkani, minn wara l-gwerer tas-snin disgħin humiex imniżżla jew reġistrati u kif din l-informazzjoni qed tinġabar u tinżamm.

Dan il-każ ikkawża xokk kbir fuq il-poplu Serb billi minkejja l-firxa wiesgħa ta’ armi tan-nar fl-idejn, l-isparar b’dawn l-armi huwa rari filwaqt li attakki bħal dan fi skola qatt ma seħħu qabel.

Ekonomija

Sport