Friday, September 20, 2024

Tmintax-il Kunsill Lokali jiffirmaw ftehim mad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni

Aqra wkoll

Is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Indafa Pubblika Deo Debattista attenda għall-iffirmar ta’ ftehim bejn id-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni u tmintax-il kunsill lokali differenti, flimkien mas-sindki rispettivi.

Il-kunsilli lokali li ssieħbu f’dan il-ftehim huma l-Belt Valletta, Santa Venera, il-Marsa, Birkirkara, San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa, in-Naxxar, il-Qrendi, Ħ’Attard, Birżebbuġa, iż-Żejtun, ir-Rabat, Ħal Qormi, l-Imsida, tas-Sliema, Ħad Dingli, San Ġiljan u Marsaskala.

Din il-kollaborazzjoni bejn id-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni u l-kunsilli lokali, kollaborazzjoni li sal-lum wasslet għall-iffirmar ta’ 49 ftehim, għandha durata ta’ sentejn u se tkun qed taċċerta li pajjiżna jkollu ndafa u żamma ta’ manutenzjoni kif xieraq.

Matul id-diskors tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Debattista spjega kif din id-diviżjoni hija waħda mill-entitajiet li żammet l-iktar qrib tal-komunità matul is-snin. Xhieda ta’ dan kien iż-żmien ta’ sfida matul l-imxija tal-pandemija tal-COVID-19.

Huwa sostna kif, “Id-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni qiegħda tkompli tinvesti f’apparat adegwat u ta’ livell għoli sabiex tkun tista’ tlaħħaq aħjar mad-domanda ta’ kuljum tax-xogħol”. Is-Segretarju Parlamentari temm jgħid li din il-kollaborazzjoni se sservi ta’ għajnuna għall-kunsilli lokali biex flimkien mad-diviżjoni jkomplu jsaħħu l-indafa u l-manutenzjoni ta’ dawn il-lokalitajiet differenti.

“Bħala diviżjoni, inżommu kuntatt regolari mall-kunsilli lokali, fejn anke nieħdu ħsieb li jsiru laqgħat fuq bażi regolari,” spjega l-Kap tad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni Ramon Deguara. Huwa kompla jgħid li matul il-pandemija l-ħidma żdiedet fil-komunitajiet tagħna u, bis-saħħa ta’ dan l-MOU, se nkomplu nagħmlu dan l-istess xogħol matul is-sena kollha.” Is-Sur Deguara għalaq billi rringrazzja lit-tim kollu tiegħu tax-xogħol kbir li qed jagħmel tant differenza.

Sport