Tmintax-il uffiċjal tal-logħba ġew ippreżentati uffiċjalment bil-Badges tal-FIFA wara li ġew konfermati fil-Lista Internazzjonali tal-FIFA.
Il-preżentazzjoni saret, nhar it-Tnejn 27 ta’ Jannar, 2025, bil-President tal-Malta Football Association (MFA) Bjorn Vassallo iqassam dawn il-badges lill-uffiċjali tal-logħba.
Għal din il-preżentazzjoni attendew ukoll is-Sur David Elleray, Direttur Tekniku tal-IFAB u Uffiċjal tal-Iżvilupp tar-Referee tal-UEFA għal Malta, Alan Mario Sant, Direttur tar-Refereeing tal-MFA u uffiċjali oħra tal-Malta FA.
Is-sena li għaddiet rat żieda sinifikanti fil-ħatriet internazzjonali għar-referees Maltin, b’dawn jinkludu ħatriet f’logħbiet internazzjonali sħaħ tat-team nazzjonali ‘A’, play-offs tal-UEFA Conference League u Fażi tal-Kampjonat kif ukoll logħbiet li jinvolvu l-Video Assistant Referees (VAR).
Qabel il-preżentazzjoni tal-badges, il-President Bjorn Vassallo indirizza lill-uffiċjali Elite billi qal: “Dan huwa tragward importanti fil-ħajja ta’ uffiċjal tal-logħba, mument li jirrikonoxxi l-isforzi li saru fil-livell domestiku, ippremjati bl-opportunità f’dan il-livell internazzjonali.
“Nixtieq nifraħ lil kull uffiċjal li jirċievi l-Badge tal-FIFA għal din is-sena kurrenti u nawgura li jistgħu jkunu ambaxxaturi f’isem il-Malta FA.
“Ir-riżultati li qed jinkisbu fil-livell internazzjonali, huma riflessjoni tad-dedikazzjoni u x-xogħol iebes li qed jiġu segwiti domestikament.”
Il-lista tal-FIFA tinkludi żewġ uffiċċjali ġodda – li huma l-Assistent Referee tal-FIFA, Mark Ciantar, u r-Referee tal-FIFA Futsal, Danilo Francalanza.
Il-preżentazzjoni serviet ukoll bħala opportunità biex jiġi onorat l-Assistent Referee tal-FIFA, Alan Camilleri, wara kariga twila bħala uffiċjal tal-logħba.
Il-karriera ta’ Camilleri hija mifruxa fuq 27 sena, bi 22 minnhom jinkludu ħatriet internazzjonali.
Il-lista tal-uffiċjali li rċevew il-Badge tal-FIFA għal 2025 hija:
FIFA Referees
Ishmael Barbara
Matthew De Gabriele
Philip Farrugia
Trustin Farrugia Cann
Joanna Vassallo
Assistant FIFA Referees
Mark Ciantar (ġdid)
James Muscat
Luke Portelli
Mitchell Scerri
Duncan Spencer
Jurgen Spiteri
Duncan Sultana
Roberto Vella
FIFA Futsal Referees
Stephen Vella
Andrea Naudi
Danilo Francalanza (ġdid)
FIFA Beach Soccer Referees
Stephania Bonnici
Luca Formosa