Susan Wojcicki, l-eks Kap Eżekuttiv ta’ YouTube mietet nhar il-Ġimgħa li għaddiet fl-età ta’ 56 sena wara battalja kontra l-marda tal-kanċer. Hija mietet 8 xhur biss wara li binha kien instab mejjet kawża ta’ overdose ta’ droga.
Wojcicki li kienet waħda mill-ewwel impjegati ta’ Google kienet ilha mill-inqas sentejn tiġġieled kontra l-kanċer. Il-mewt tagħha ġiet imħabbra minn żewġha Dennis Troper fejn sellem il-memorja tagħha fejn qal li “d-dinja tilef moħħ brillanti”.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Google u Alphabet Sundar Pichai, qal li Wojcicki kienet ilha tgħix u tiġġieled il-kanċer għal sentejn sħaħ. “Hu diffiċli ħafna li nimmagina d-dinja mingħajra,” qal Pichai filwaqt li sellem il-memorja tagħha.
Fil-bidu tal-karriera tagħha Wojcicki ġiet ikkritikata ħafna wara li għamlet pressjoni kbira fuq id-diretturi ta’ Google biex jixtru Youtube. KIen fl-2014 meta Google ħabbru li hi kienet inħatret Kap Eżekuttiv ta’ YouTube filwaqt li TIME Magazine kien qal li hi waħda mill-aktar 100 mara influwenti fid-dinja.
Kien fil-bidu tal-2023 meta ħabbret li kienet qiegħda tirriżenja mill-kariga tagħha fejn kienet qalet li se tagħmel dan biex tiffoka aktar il-ħin tagħha fuq il-familja, biex tieħu ħsieb saħħitha u anke biex tmexxi proġetti personali.