Qabel il-Partit Nazzjonalista jitkellem dwar il-faqar, inkluż dak tat-tfal, jagħmel sew li jiċċekkja sew l-istatistika.
Fl-aħħar 12-il sena il-persentaġġ tat-tfal f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali naqas minn 32% għal 25.9%. Dan ifisser li aktar minn 3,300 tifel u tilfa ma baqgħux f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali mill-2013 ‘l hawn.
Barra minn hekk, fl-aħħar 10 snin il-proporzjon ta’ tfal f’sitwazzjoni ta’ ċaħda materjali jew soċjali naqas minn 28% għal 10.1%. Dan it-tnaqqis kien id-doppju ta’ dak osservat madwar l-Unjoni Ewropea. Tant li minn sitwazzjoni fejn ir-rata f’Malta kienet akbar mill-medja Ewropea ta’ 23.7%, issa ir-rata f’Malta hija anqas minn dik madwar l-Unjoni Ewropea ta’ 13.7%.
Jekk imbagħad wieħed iħares lejn dawk ta’ taħt it-18-il sena li huma f’rata ta’ sitwazzjoni ta’ ċaħda materjali u soċjali severa, fl-aħħar 10 snin dawn naqsu minn 11.6% għal 4.8%. Dan ifisser li mentri fl-2015 kellna rata li kienet daqs il-medja Ewropea, issa għandna rata li hija kważi n-nofs tal-Unjoni Ewropea. Tant li fuq medda ta’ 10 snin inħarġu madwar 13,000 tifel u tifla minn din il-qagħda vulnerabbli f’pajjiżna.
Dan sar possibbli grazzi għall-politika soċjali tal-Gvern li tinvesti bil-qawwa fil-familji Maltin u Għawdxin. Dan kien anke ikkonfermat mill-Eurostat li statistika tiegħu uriet li pajjiżna qed jalloka investiment soċjali ta’ €172 miljun fis-sena fuq il-familji u t-tfal. Dan huwa aktar mid-doppju tal-€81 miljun li kien jiġi investit fl-2012.
L-investiment soċjali addizzjonali flimkien mas-suċċess tal-Gvern bil-politika tal-impjiegi rat lil pajjiżna jiġi bit-tieni l-aqwa rata ta’ mpjiegi minn sitwazzjoni fejn kien bit-tieni l-agħar rata fi żmien il-PN fil-Gvern. Dan qed iwassal għall-livell ta’ għajxien aħjar għat-tfal Maltin u Għawdxin.
Dan se jkompli jkun sostnut permezz tal-Pjan Soċjali għal Familja 2025-2030 li tnieda mill-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon.
Il-Pjan fih 71 miżura konkreta li se jkunu qed jitwettqu fil-5 snin li ġejjin fosthom:
* Aktar żidiet fic-Children’s Allowance u benefiċċji oħra, b’appoġġ akbar għat-tkabbir tal-familji
* Titjib fil-Maternity Leave, Paternity Leave u Parental Leave
* Aktar titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol sabiex il-familji jiġu mgħejjuna aktar jibbilanċjaw ix-xogħol mal-familja
* Rati aktar vantaġġjużi tat-taxxa għall-ġenituri
* L-introduzzjoni ta’ Child-Minding Allowance għan-nanniet li jieħdu ħsieb neputijiet li l-ġenituri tagħhom jaħdmu full-time
* Diversi inizjattivi u miżuri fil-qasam tal-edukazzjoni, tal-housing, tas-saħħa inkluż dik mentali u l-IVF, tas-servizzi ta’ ħarsien soċjali, tal-ambjent u fil-komunitajiet sabiex il-familji jkunu mgħejjuna minn kull qasam possibbli
Il-Partit Nazzjonalista assolutament m’għandux kredenzjali f’din il-materja li storikament dejjem falla f’kull impenn sabiex jagħti futur aħjar lill-familji u t-tfal tagħna.
In-nies jafu min verament huwa sensittiv u impenjat li bil-fatti jindirizza r-realtajiet tagħhom, tant li Partit Laburista fil-Gvern qed iwettaq dak li jwiegħed, u jmur lil hinn minn hekk.