Is-sigurtà f’pajjiżna tjiebet b’mod sinifikanti tant li dawn l-aħħar snin, il-kriminalità – partikolament fejn jirrigwardja r-reati ta’ serq – kompliet tonqos. Fil-fatt, pajjiżna rreġistra l-inqas rata ta’ serq is-sena li għaddiet minkejja li żdiedet l-attività ekonomika u t-turiżmu.
Minn ċifri ppreżentati fil-Parlament mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri, fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari tad-Deputata Laburista Davina Sammut Hili, jirriżulta li s-sena li għaddiet ġew rappurtati 4,405 każi ta’ serq, li huwa nofs dak li kien fl-2012. Ir-rata tas-sena 2025 hija wkoll inqas minn dik ta’ żmien il-Covid.
Dawn iċ-ċifri huma konferma ta’ kemm kienu flokhom il-miżuri u l-inizjattivi li ttieħdu fl-aħħar xhur u snin mill-Korp tal-Pulizija u mill-Gvern filwaqt li jikkontradixxu l-kritika ħarxa li ssir minn ċertu politiċi.
F’dan kollu, billi x-xogħol tal-pulizija huwa wieħed vast u xi kultant diffiċli, ġiet ippruvata kemm kienu importanti l-miżuri li ġew introdotti biex il-membri tal-Korp ikunu iżjed protetti, aktar u aktar bl-użu tal-body cams li minnha nfisha din tista’ tnaffar milli ssir vjolenza fuq membri tal-korp. Dan wassal ukoll biex il-pulizija mhux biss twettaq id-dmirijiet tagħha b’aktar effiċjenza imma dak li tagħmel, tagħmlu b’serenità.
Filwaqt li l-Għases tal-Pulizija għandhom rwol importanti fis-servizz li jagħtu liċ-ċittadini, b’danakollu jidher li l-politika li l-pulizija tinżel qalb il-komunità qed tħalli l-frott. Permezz tal-Community Policing u riċentament bis-servizz ġdid ta’ Police Patrolling Community Support Officers, il-Pulizija qed tkun eqreb lejn il-membri tal-komunità. Dan għandu jwassal għal aktar serħan il-moħħ għaliex il-pulizija qed tkun milħuqa aktar malajr u fil-pront. Hawn tajjeb ukoll jissemma li l-effiċjenza fil-Korp baqgħet tiżdied tant li wasslet biex jiġu solvuti l-omiċidji kollha li seħħew f’dawn l-aħħar snin.
Għalhekk, huwa mistenni li l-poplu jagħmel ukoll il-parti tiegħu billi juri kull rispett lejn il-membri tal-Korp għax wara kollox huma dawn l-istess membri li jipproteġu liċ-ċittadini meta jkun hemm bżonn. Kull investiment li jsir f’dan il-qasam huwa milqugħ u għandu jkompli jissaħħaħ skont l-eżiġenzi u l-bidliet li jġibu magħhom iż-żminijiet.

